+ANNESS I REKWIŻITI GĦALL-ILMA MORMI URBAN

ANNESS I REKWIŻITI GĦALL-ILMA MORMI URBAN




ANNESS I

REKWIŻITI GĦALL-ILMA MORMI URBAN

Parti A

Sistemi tal-ġbir

Is-sistemi tal-ġbir għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti tat-trattament tal-ilma mormi urban.

It-tfassil, il-bini u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-ġbir għandhom isiru skont l-aqwa għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi kostijiet eċċessivi, b'mod partikolari dwar:

— 
il-volum u l-karatteristiċi tal-ilma mormi urban,
— 
il-prevenzjoni ta' tnixxijiet ta' ilma mormi urban, infiltrazzjoni u influss konness ħażin fis-sistemi tal-ġbir,
— 
il-limitazzjoni ta' tniġġis fl-ilmijiet riċeventi minħabba tifwir tal-ilma tal-maltemp, b'kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti rilevanti fl-Artikolu 5 u l-Anness V.

Parti B

Skariku minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għall-ilmijiet riċeventi

1. L-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għandhom ikunu mfassla jew modifikati biex ikunu jistgħu jittieħdu kampjuni rappreżentattivi tal-ilma mormi li jkun dieħel u tal-effluwent ittrattat qabel l-iskariku fl-ilmijiet riċeventi.

2. L-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti fit-Tabella 1 ta' dan l-Anness.

3. L-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 7(1) jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) għandhom, minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt 2, jissodisfaw ir-rekwiżiti fit-Tabella 2 ta' dan l-Anness, minbarra fil-każijiet fejn jiġi applikat l-Artikolu 7(8).

4. L-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 8(1) jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4) għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fit-Tabella 3 ta' dan l-Anness.

5. Regolamenti minn qabel u awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jużaw il-bijomedia għandhom jinkludu:

— 
deskrizzjoni tat-teknoloġiji li jinkorporaw il-bijomedia użata fit-trattament imwettaq mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban, inkluż it-tip u l-volum tal-bijomedia użata fl-impjant u deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex jiġu evitati rilaxxi tal-bijomedia fl-ambjent;
— 
obbligu ta' monitoraġġ u prevenzjoni permanenti tar-rilaxxi kollha ta' bijomedia fl-ambjent;
— 
obbligu li kwalunkwe rilaxx sinifikanti ta' bijomedia fl-ilmijiet riċeventi jiġi rrapportat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti.

6. Rekwiżiti li huma aktar stretti minn dawk stipulati fit-Tabelli 1, 2 u 3 għandhom jiġu applikati fejn neċessarju biex jiġi żgurat li l-ilmijiet riċeventi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 2000/60/KE, 2008/56/KE, 2008/105/KE u 2006/7/KE.

7. Il-punti ta' skariku tal-ilma mormi urban għandhom jintgħażlu, kemm jista' jkun possibbli, sabiex jiġu minimizzati l-effetti dannużi fuq l-ilmijiet riċeventi.

Parti C

Metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi applikat metodu ta' monitoraġġ li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punti 2 sa 5. Fejn ikun rilevanti, il-metodi ta' analiżi kollha għandhom jikkonformaw mal-istess kriterji minimi tal-prestazzjoni bħal dawk definiti fid-Direttiva 2009/90/KE u regoli rilevanti oħra.

Jistgħu jintużaw metodi alternattivi għal dawk imsemmija fil-punti 2, 3 u 4 dment li jista' jintwera li jinkisbu riżultati ekwivalenti.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-metodu ta' monitoraġġ applikat.

2. Kampjuni proporzjonali għall-fluss jew dawk ibbażati fuq il-ħin ta' 24 siegħa għandhom jinġabru fl-istess post definit tajjeb fl-iżbokk u, jekk ikun meħtieġ, fid-daħla tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban. Madankollu, kwalunkwe kampjun ibbażat fuq il-ħin użat għall-monitoraġġ tal-mikrosustanzi niġġiesa għandu jkun kampjun ta' 48 siegħa.

Għandhom jiġu applikati prattiki internazzjonali tal-laboratorju tajbin bl-għan li tiġi minimizzata d-degradazzjoni tal-kampjuni bejn il-ġbir u l-analiżi.

3. L-għadd minimu annwali ta' kampjuni għandu jiġi determinat skont id-daqs tal-impjant tat-trattament u jinġabar f'intervalli regolari matul is-sena:



1 000 sa 9 999  e.p.:

Kampjun fix-xahar (ara n-Nota 1)

10 000 sa 49 999  e.p.:

Żewġ kampjuni fix-xahar

Għall-mikrosustanzi niġġiesa, kampjun fix-xahar

50 000 sa 149 999  e.p.:

Kampjun fil-ġimgħa.

Għall-mikrosustanzi niġġiesa, żewġ kampjuni fix-xahar

150 000  e.p. jew aktar:

Żewġ kampjuni fil-ġimgħa

Għall-mikrosustanzi niġġiesa, żewġ kampjuni fix-xahar

Nota 1: Għal agglomerazzjonijiet ikkonċernati minn attività staġjonali, intervalli ta' massimu ta' xahrejn mingħajr teħid ta' kampjuni huma aċċettati dment li jittieħdu kampjuni addizzjonali matul ix-xhur tal-attività staġjonali. Matul is-sena kollha għandhom jittieħdu total ta' 12-il kampjun.

4. L-ilma mormi urban ittrattat għandu jiġi preżunt li jikkonforma mal-parametri rilevanti jekk, għal kull parametru rilevanti meqjus individwalment, il-kampjuni tal-ilma juru li huwa konformi mal-valuri parametriċi rilevanti bil-mod kif ġej:

(a) 

għall-parametri speċifikati fit-Tabelli 1 u 3, l-għadd massimu ta' kampjuni li huma permessi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti, espressi f'konċentrazzjonijiet jew tnaqqis perċentwali, jew it-tnejn, huwa speċifikat fit-Tabella 4;

(b) 

għall-parametri speċifikati fit-Tabella 1 espressi f'konċentrazzjonijiet, il-kampjuni inaċċettabli meħuda taħt kundizzjonijiet normali ta' użu m'għandhomx jiddevjaw mill-valuri parametriċi b'aktar minn 100 %, ħlief għall-parametru tas-solidi sospiżi totali, li għalih jistgħu jkunu aċċettati d-devjazzjonijiet mill-valuri parametriċi sa 150 %;

(c) 

għall-parametri speċifikati fit-Tabella 2, il-medja annwali tal-kampjuni għal kull parametru tikkonforma mal-valuri parametriċi rilevanti mniżżla f'dik it-tabella; il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal minimu tat-tnaqqis japplikaw;

(d) 

għall-parametri speċifikati fit-Tabella 3, il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni msemmija fil-Parti C, il-punt 3, tfisser li jittieħed kampjun fid-dħul u kampjun jittieħed fl-iżbokk tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-perċentwal minimu ta' tneħħija tat-Tabella 3; il-perċentwal medju ta' tneħħija tas-sustanzi kollha użati fil-kalkolu jintuża sabiex jiġi vvalutat jekk intlaħaqx il-perċentwal minimu ta' 80 % meħtieġ.

5. Il-kampjuni għandhom jittieħdu biex jirriflettu t-tniġġis waqt il-fluss f'temp xott. Valuri estremi għall-kwalità tal-ilma inkwistjoni m'għandhomx jitqiesu meta dawn ikunu r-riżultat ta' sitwazzjonijiet mhux tas-soltu minħabba xita qawwija.

6. L-analiżi li jikkonċernaw skariki mil-lagunar għandhom isiru fuq kampjuni ffiltrati; madankollu, il-konċentrazzjoni tas-solidi sospiżi totali f'kampjuni ta' ilma mhux iffiltrat ma għandhiex taqbeż 150 mg/l.



Tabella 1: Rekwiżiti għal skariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban soġġett għall-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal ta' tnaqqis għandhom japplikaw.

Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentwal minimu ta' tnaqqis (ara n-Nota 4)

Metodu ta' kejl ta' referenza

Domanda bijokimika ta' ossiġnu (BOD5 f'temperatura ta' 20 oC) mingħajr nitrifikazzjoni (ara n-Nota 1)

25 mg/L O2

70-90

40 skont l-Artikolu 6(4)

Kampjun omoġeneizzat, mhux iffiltrat u mhux imsawwab. Determinazzjoni ta' ossiġnu maħlul qabel u wara inkubazzjoni ta' ħamest ijiem f'temperatura ta' 20 oC ± 1 oC, fi dlam totali. Żieda ta' inibitur ta' nitrifikazzjoni.

Domanda kimika ta' ossiġnu (COD) (ara n-Nota 2)

125 mg/L O2

75

Kampjun omoġeneizzat, mhux iffiltrat u mhux imsawwab Dikromat tal-potassju

Karbonju Organiku Totali (ara n-Nota 2)

37 mg/L

75

EN 1484

Solidi sospiżi totali

35 mg/L (ara n-Nota 3)

90 (ara n-Nota 3)

— Iffiltrar ta' kampjun rappreżentattiv minn ġo filtru ta' membrana ta' 0,45  μm. Tnixxif f'temperatura ta' 105 oC u użin

— Ċentrifugar ta' kampjun rappreżentattiv (għal tal-anqas ħames minuti b'aċċellerazzjoni medja ta' bejn 2 800 u 3 200  g), tnixxif f'temperatura ta' 105 oC u użin

Nota 1: Il-parametru jista' jinbidel b'ieħor: il-kontenut totali ta' karbonju organiku (TOC) jew id-domanda totali għall-ossiġnu (TOD) jekk tista' tiġi stabbilita relazzjoni bejn BOD5 u l-parametru sostitut.

Nota 2: L-Istati Membri għandhom ikejlu jew id-Domanda kimika ta' ossiġenu (COD) jew il-Kontenut totali ta' Karbonju Organiku.

Nota 3: Dan il-kriterju huwa diskrezzjonali.

Nota 4: Tnaqqis relatat mat-tagħbija tal-influwent.



Tabella 2: Rekwiżiti għat-trattament terzjarju tal-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 7(1) jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3). Għall-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 7(1), għandhom japplikaw iż-żewġ parametri. Għall-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3), jista' jiġi applikat parametru wieħed jew iż-żewġ parametri, skont is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal ta' tnaqqis għandhom japplikaw.

Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentwal ta' tnaqqis minimu

(ara n-Noti 1 u 2)

Metodu ta' kejl ta' referenza

Fosforu totali (ara n-Nota 4)

0,7  mg/l (10 000 e.p. u aktar iżda anqas minn 150 000  e.p.)

0,5  mg/l (150 000  e.p. u aktar)

87,5 (10 000 e.p. u aktar iżda anqas minn 150 000  e.p.)

90 (150 000  e.p. u aktar)

Spettrofotometrija ta' assorbiment molekolari

Nitroġenu totali (ara n-Nota 4)

10 mg/l (10 000 e.p. u ktar iżda anqas minn 150 000  e.p.)

8 mg/l (150 000  e.p. u aktar)

(ara n-Nota 5)

80

(ara n-Nota 3)

Spettrofotometrija ta' assorbiment molekolari

Nota 1: Tnaqqis relatat mat-tagħbija tal-influwent jew mat-tagħbija ġġenerata f'agglomerazzjoni jekk jista' jiġi żgurat l-istess livell ta' protezzjoni ambjentali.

Nota 2: Jekk frazzjoni tal-ilma mormi urban ittrattat tintuża għat-tisqija agrikola, in-nutrijenti f'dik il-frazzjoni jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tagħbija tal-influwent u jiġu esklużi mit-tagħbija skarikata.

▼C1

Nota 3: F'sitwazzjonijiet eċċezzjonali minħabba ċirkostanzi lokali speċifiċi, ir-retenzjoni tan-nitroġenu naturali tista' titqies fil-kalkolu tal-perċentwal minimu tat-tnaqqis fl-Istati Membri fejn ir-retenzjoni tan-nitroġenu naturali ġiet meqjusa fil-kalkolu tal-perċentwal minimu tat-tnaqqis tan-nitroġenu msemmi fit-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271/KEE u fejn jintwera li parti min-nitroġenu li oriġina minn ilma mormi urban jista' jiġi eliminat fl-ilmijiet riċeventi sal-31 ta’ Diċembru 2045 għall-kalkolu tal-perċentwal minimu tat-tnaqqis tan-nitroġenu msemmi fit-Tabella 2 ta’ dan l-Anness jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

▼B

(1) 

iż-żmien medju ta' retenzjoni idrawlika tal-effluwent skarikat ikun ta' mill-inqas sena u nofs qabel ma jilħaq iż-żona sensittiva għan-nitroġenu deżinjata skont l-Artikolu 7(2);

(2) 

jiġi żgurat programm kontinwu ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-parametru tan-nitroġenu totali:

(a) 

fl-iżbokki tal-impjanti kollha tat-trattament tal-ilma mormi urban u fejn rilevanti fl-ilma tax-xeba' urban minn agglomerazzjonijiet ta' 10 000  e.p. u aktar li jinsabu fil-baċin idrografiku taż-żona deżinjata bħala sensittiva għan-nitroġenu skont l-Artikolu 7(2);

(b) 

fid-dħul rilevanti taż-żona deżinjata skont l-Artikolu 7(2);

(c) 

fil-postijiet tat-teħid tal-kampjuni rappreżentattivi fl-ilmijiet riċeventi u fil-korpi tal-ilma rilevanti fil-baċin idrografiku taż-żona deżinjati skont l-Artikolu 7(2);

(3) 

il-perċentwal minimu tat-tnaqqis għan-nitroġenu tat-Tabella 2 jiġi ssodisfat; dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-data miġbura mill-programm kontinwu ta' monitoraġġ u valutazzjoni msemmi fil-punt (2);

(4) 

jista' jintwera li r-rilaxxi tan-nitroġenu mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban fil-baċin idrografiku ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż għall-bijodiversità, u lis-saħħa tal-bniedem u ma jimmodifikawx l-ekosistema;

(5) 

il-konċentrazzjoni tan-nutrijenti fiż-żoni msemmija fil-punt (c) tal-kundizzjoni (2) ikunu konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Anness V.1.2.1 tad-Direttiva 2000/60/KE biex jiġi definit stat ekoloġiku tajjeb ta' dawk iż-żoni;

(6) 

l-użu tar-retenzjoni tan-nitroġenu naturali jiġi rrapportat lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 22(1)(a), kif ukoll lil Stati Membri ġirien potenzjalment affettwati, flimkien mal-elementi kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet (1), (2), (3), (4) u (5) huma ssodisfati.

Nota 4: Dan ir-rekwiżit għandu japplika fl-1 ta’ Jannar 2025 għall-impjanti eżistenti tat-trattament tal-ilma mormi urban obbligati jilħqu l-iskadenzi stabbiliti skont l-Artikolu 7(1) u għall-agglomerazzjonijiet skont l-Artikolu 7(3). Sakemm jintlaħqu dawk l-iskadenzi, għal dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għandhom japplikaw l-obbligi tal-Artikolu 32(3).

Nota 5: Meta t-temperatura fl-effluwent tar-reattur bijoloġiku tkun inqas minn 12 oC, ir-riżultati tal-kampjuni meħuda jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-medja annwali għan-nitroġenu kif imsemmi fil-punt (4)(c) tal-Parti C ta' dan l-Anness meta jkun jista' jintwera dan kollu li ġej:

(1) 

ikun żgurat li ma hemm ebda effett negattiv fuq l-ambjent;

(2) 

ikunu meħtieġa kostijiet eċċessivi jew konsum eċċessiv ta' enerġija biex jintlaħqu l-valuri għan-nitroġenu fit-Tabella 2.

Meta t-temperatura fl-effluwent tar-reattur bijoloġiku tkun inqas minn 5 oC ir-riżultati tal-kampjuni meħuda jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-medja annwali għan-nitroġenu kif imsemmi fil-punt (4)(c) tal-Parti C ta' dan l-Anness.



Tabella 3: Rekwiżiti għat-trattament kwaternarju ta' skariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 8(1) u/jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4).

Indikaturi

Perċentwal minimu tat-tneħħija b'rabta mat-tagħbija tal-influwent

Sustanzi li jistgħu jniġġsu l-ilma anke f'konċentrazzjonijiet baxxi (ara n-Nota 1)

80 % (ara n-Nota 2)

Nota 1: Il-konċentrazzjoni tas-sustanzi organiċi msemmija fil-punti (a) u (b) għandha titkejjel.

(a) 

Kategorija 1 (sustanzi li jistgħu jiġu ttrattati faċilment ħafna):

(i) 

Amisulpridu (Nru CAS 71675-85-9),

(ii) 

Karbamażepina (Nru CAS 298-46-4),

(iii) 

Ċitalopram (Nru CAS 59729-33-8),

(iv) 

Klaritromiċina (Nru CAS 81103-11-9),

(v) 

Diklofenak (Nru CAS 15307-86-5),

(vi) 

Idroklorotijażid (Nru CAS 58-93-5),

(vii) 

Metoprolol (Nru CAS 37350-58-6),

(viii) 

Venlafaksina (Nru CAS 93413-69-5);

(b) 

Kategorija 2 (sustanzi li jistgħu jintremew faċilment):

(i) 

Benżotriażol (Nru CAS 95-14-7),

(ii) 

Kandesartan (Nru CAS 139481-59-7),

(iii) 

Irbesartan (Nru CAS 138402-11-6),

(iv) 

taħlita ta' 4-Metilbenżotriażol (Nru CAS 29878–31–7) u 5-metilbenżotriażol (Nru CAS 136-85-6).

Nota 2: Il-perċentwal tat-tneħħija għandu jiġi kkalkulat fuq fluss f'temp xott għal mill-inqas sitt sustanzi. L-għadd ta' sustanzi fil-kategorija 1 għandu jkun id-doppju tan-numru ta' sustanzi fil-kategorija 2. Jekk inqas minn sitt sustanzi jistgħu jitkejlu f'konċentrazzjoni suffiċjenti, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel sustanzi oħra biex jitkejjel il-perċentwal minimu ta' tneħħija meta jkun meħtieġ. Il-medja tal-perċentwali speċifiċi tat-tneħħija tas-sustanzi uniċi kollha użati fil-kalkolu għandha tintuża biex jiġi vvalutat jekk intlaħaqx il-perċentwal minimu meħtieġ tat-tneħħija ta' 80 %.



Tabella 4: Rekwiżit għall-kampjuni

Serje ta' kampjuni meħuda fi kwalunkwe sena

L-għadd massimu permess ta' kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw

4-7

1

8-16

2

17-28

3

29-40

4

41-53

5

54-67

6

68-81

7

82-95

8

96-110

9

111-125

10

126-140

11

141-155

12

156-171

13

172-187

14

188-203

15

204-219

16

220-235

17

236-251

18

252-268

19

269-284

20

285-300

21

301-317

22

318-334

23

335-350

24

351-365

25

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.12.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L3019
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.