1. Il-korpi tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa, inkluż is-servizz tal-aċċess għad-data dwar is-saħħa, jew detenturi fdati tad-data dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 72 jistgħu jitolbu tariffi biex jagħmlu d-data elettronika dwar is-saħħa disponibbli għal użu sekondarju.
It-tariffi għandhom ikunu proporzjonati għall-kost biex id-data ssir disponibbli u ma għandhomx jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
It-tariffi għandhom ikopru il-kostijiet kollha jew parti minnhom relatati mal-proċedura għall-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għall-aċċess tad-data dwar is-saħħa jew talba għad-data dwar is-saħħa, il-ħruġ, ir-rifjut jew l-emendar ta’ permess tad-data skont l-Artikoli 67 u 68 jew biex jingħata rispons għal talba għal data dwar is-saħħa sottomessa nskont l-Artikolu 69, inklużi kosti relatati mal-konsolidazzjoni, il-preparazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni, l-anonimizzazzjoni u l-forniment tad-data elettronika dwar is-saħħa.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu tariffi mnaqqsa għal ċerti tipi ta’ utenti tad-data dwar is-saħħa li jinsabu fl-Unjoni, bħal korpi tas-settur pubbliku jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni b’mandat legali fil-qasam tas-saħħa pubblika, ir-riċerkaturi universitarji jew il-mikrointrapriżi.