+ANNESS II

ANNESS II

ANNESS II

(A)

Elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju

Il-ġestjoni tar-riskju għandha tinkludi l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji b’mod proattiv biex tiżgura li l-ilma reklamat jintuża u jiġi ġestit b’mod sikur u li ma jkunx hemm riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Għal dawn il-finijiet, għandu jiġi stabbilit pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma abbażi tal-elementi li ġejjin:

1.

Id-deskrizzjoni tas-sistema kollha tal-użu mill-ġdid tal-ilma, mid-dħul tal-ilma mormi fl-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban sal-punt tal-użu, inkluż is-sorsi tal-ilma mormi, l-istadji ta’ trattament u t-teknoloġiji użati fil-faċilità tar-reklamazzjoni, l-infrastruttura tal-provvista, id-distribuzzjoni u l-ħżin, l-użu maħsub, il-post u l-perijodu tal-użu, (eż. użu temporanju jew ad hoc), il-metodu ta’ tisqija, it-tip ta’ għelejjel, sorsi oħra tal-ilma jekk huwa maħsub l-użu ta’ taħlit u l-volumi ta’ ilma reklamat li għandu jiġi pprovdut.

2.

L-identifikazzjoni tal-partijiet kollha involuti fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma u deskrizzjoni ċara tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tagħhom.

3.

L-identifikazzjoni tal-perikli potenzjali, b’mod partikolari l-preżenza ta’ inkwinanti u patoġeni, u l-potenzjal ta’ avvenimenti perikolużi, bħal fallimenti tat-trattament jew it-tnixxija aċċidentali jew il-kontaminazzjoni tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

4.

L-identifikazzjoni tal-ambjenti u l-popolazzjonijiet f’riskju, u r-rotot tal-esponiment għall-perikli potenzjali identifikati, filwaqt li jitqiesu l-fatturi ambjentali speċifiċi, bħall-idroġeoloġija, it-topoloġija, it-tip ta’ ħamrija u l-ekoloġija lokali, u l-fatturi marbuta mat-tipi ta’ għelejjel u prattiki agrikoli u ta’ tisqija. Għandhom jitqiesu wkoll u jkunu sostnuti b’evidenza xjentifika l-effetti negattivi irreversibbli jew fit-tul possibbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-operazzjoni tar-reklamazzjoni tal-ilma.

5.

Il-valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-perikli potenzjali identifikati, id-durata tal-użi maħsuba, l-ambjenti u l-popolazzjonijiet identifikati fir-riskju ta’ esponiment għal dawk il-perikli u s-severità tal-effetti possibbli tal-perikli filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif ukoll il-leġislazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti, id-dokumenti ta’ gwida u r-rekwiżiti minimi fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, tal-għalf u tal-ħaddiema. Il-valutazzjoni tar-riskju tista’ tkun ibbażata fuq analiżi tal-istudji xjentifiċi u d-data disponibbli.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tikkonsisti fl-elementi li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

konferma tan-natura tal-perikli, inkluż il-livell ta’ bla effett imbassar, meta rilevanti;

(ii)

valutazzjoni tal-medda ta’ esponiment potenzjali;

(iii)

karatterizzazzjoni tar-riskji;

(b)

valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, inkluż dawn kollha li ġejjin:

(i)

konferma tan-natura tal-perikli, inkluż ir-relazzjoni bejn id-doża u r-reazzjoni, meta rilevanti;

(ii)

valutazzjoni tal-firxa tad-doża jew tal-esponiment potenzjali;

(iii)

karatterizzazzjoni tar-riskji.

Il-valutazzjoni tar-riskju tista’ titwettaq bl-użu ta’ valutazzjoni tar-riskju kwalitattiva jew semikwantitattiva. Valutazzjoni tar-riskju kwantitattiva għandha tintuża meta jkun hemm biżżejjed data ta’ appoġġ jew fi proġetti li jkollhom potenzjal ta’ riskju għoli għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika.

Ir-rekwiżiti u l-obbligi li ġejjin għandhom, bħala minimu, jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju:

(a)

ir-rekwiżit li jitnaqqas u jiġi evitat it-tniġġis fl-ilma minn nitrati skont id-Direttiva 91/676/KEE;

(b)

l-obbligu li ż-żoni protetti għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 98/83/KE;

(c)

ir-rekwiżit li jintlaħqu l-objettivi ambjentali stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE;

(d)

ir-rekwiżit li jiġi evitat it-tniġġis fl-ilma ta’ taħt l-art skont id-Direttiva 2006/118/KE;

(e)

ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ambjentali għas-sustanzi prijoritarji u ċerti inkwinanti oħra stipulati fid-Direttiva 2008/105/KE;

(f)

ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ambjentali għall-inkwintanti ta’ tħassib nazzjonali, jiġifieri l-inkwinanti speċifiċi għall-baċini idrografiċi, stipulati fid-Direttiva 2000/60/KE;

(g)

ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-ilma għall-għawm stipulati fid-Direttiva 2006/7/KE;

(h)

ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura skont id-Direttiva 86/278/KEE;

(i)

ir-rekwiżiti dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel stipulati fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u l-gwida mogħtija mill-avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u l-ħaxix frisk fil-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba;

(j)

ir-rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf stipulati fir-Regolament (KE) Nru 183/2005;

(k)

ir-rekwiżit tal-konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi rilevanti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005;

(l)

ir-rekwiżiti fir-rigward tal-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006;

(m)

ir-rekwiżiti fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwu tal-pestiċidi fl-ikel jew fuq l-ikel u l-għalf stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005;

(n)

ir-rekwiżiti rigward is-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (UE) Nru 142/2011.

(B)

Kondizzjonijiet rigward ir-rekwiżiti addizzjonali

6.

Konsiderazzjoni tar-rekwiżiti għall-kwalità tal-ilma u għall-monitoraġġ li huma addizzjonali, jew aktar stretti, għal dawk speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Anness I, jew it-tnejn, meta neċessarju u xieraq biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, b’mod partikolari meta jkun hemm evidenza xjentifika ċara li r-riskju joriġina mill-ilma reklamat u mhux minn sorsi oħra.

Skont l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-punt 5, dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari lil:

(a)

metalli tqal;

(b)

pestiċidi;

(c)

prodotti sekondarji ta’ diżinfezzjoni;

(d)

prodotti mediċinali;

(e)

sustanzi ta’ tħassib emerġenti oħra, inkluż mikroinkwinanti u mikroplastiċi;

(f)

reżistenza għall-antimikrobiċi.

(C)

Miżuri preventivi

7.

L-identifikazzjoni ta’ miżuri preventivi li diġà qegħdin fis-seħħ jew li jenħtieġ li jittieħdu biex jiġu limitati r-riskji sabiex ir-riskji identifikati kollha jkunu jistgħu jiġu ġestiti b’mod adegwat. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil korpi tal-ilma użati għall-astrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u liż-żoni ta’ salvagwardja rilevanti.

Dawn il-miżuri preventivi jistgħu jinkludu:

(a)

kontroll tal-aċċess;

(b)

miżuri addizzjonali ta’ diżinfezzjoni jew ta’ tneħħija tal-inkwinanti;

(c)

teknoloġija tat-tisqija speċifika għall-mitigazzjoni tar-riskju tal-formazzjoni ta’ aerosol (eż. tisqija bil-qatra);

(d)

rekwiżiti speċifiċi għat-tisqija bil-friefer (eż. il-veloċità massima tar-riħ, id-distanzi bejn il-friefer u żoni sensittivi);

(e)

rekwiżiti speċifiċi għal għelieqi agrikoli (eż. inklinazzjoni tal-pendil, saturazzjoni tal-ilma tal-għelieqi u żoni karstiċi);

(f)

appoġġ li joqtol lill-patoġeni qabel il-ħsad;

(g)

l-istabbiliment ta’ distanzi minimi ta’ sikurezza (eż. mill-ilma tal-wiċċ, inklużi sorsi għall-bhejjem, jew attivitajiet bħall-akkwakultura, it-trobbija tal-ħut, l-akkwakultura tal-frott tal-baħar bil-qoxra, l-għawm u attivitajiet akkwatiċi oħrajn);

(h)

sinjalar f’siti tat-tisqija, li jindika li qed jintuża ilma reklamat u li mhux tajjeb għax-xorb.

Il-miżuri preventivi speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti huma stabbiliti fit-Tabella 1.

Tabella 1 — Miżuri preventivi speċifiċi

Klassi tal-kwalità tal-ilma reklamat

Miżuri preventivi speċifiċi

A

—

Il-ħnieżer ma jridux jiġu esposti għall-għalf imsoqqi bl-ilma reklamat sakemm ma jkunx hemm biżżejjed data li tindika li r-riskji għal dak il-każ speċifiku jistgħu jiġu ġestiti.

B

—

Il-projbizzjoni tal-ħsad ta’ prodotti mxarrbin imsoqqija jew bil-qatra.

—

L-esklużjoni mill-bur tal-bhejjem tal-ħalib li jreddgħu sakemm jinxef il-bur.

—

L-għalf għandu jkun imnixxef jew maħżun f’silos qabel l-imballaġġ.

—

Il-ħnieżer ma jridux jiġu esposti għall-għalf imsoqqi bl-ilma reklamat sakemm ma jkunx hemm biżżejjed data li tindika li r-riskji għal dak il-każ speċifiku jistgħu jiġu ġestiti.

C

—

Il-projbizzjoni tal-ħsad ta’ prodotti mxarrbin imsoqqija jew bil-qatra.

—

L-esklużjoni mill-bur ta’ annimali li jirgħu għal ħamest ijiem wara l-aħħar tisqija.

—

L-għalf għandu jkun imnixxef jew maħżun f’silos qabel l-imballaġġ.

—

Il-ħnieżer ma jridux jiġu esposti għall-għalf imsoqqi bl-ilma reklamat sakemm ma jkunx hemm biżżejjed data li tindika li r-riskji għal dak il-każ speċifiku jistgħu jiġu ġestiti.

D

—

Il-projbizzjoni tal-ħsad ta’ prodotti mxarrbin imsoqqija jew bil-qatra.

8.

Sistemi u proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità adegwati, inkluż il-monitoraġġ tal-ilma reklamat għall-parametri rilevanti, u programmi ta’ manutenzjoni adegwati għat-tagħmir.

Huwa rakkomandat li l-operatur tal-faċilità tar-reklamazzjoni jistabbilixxi u jżomm sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità skont ISO 9001 jew l-ekwivalenti tiegħu.

9.

Sistemi ta’ monitoraġġ ambjentali biex ikun żgurat li jingħata r-rispons mill-monitoraġġ u li l-proċessi u l-proċeduri kollha jiġu validati u dokumentati kif xieraq.

10.

Sistemi xierqa għall-ġestjoni ta’ inċidenti u emerġenzi, inklużi proċeduri biex jiġu infurmati il-partijiet rilevanti kollha dwar tali avvenimenti b’mod xieraq, u aġġornamenti regolari tal-pjan ta’ reazzjoni għal emerġenza.

L-Istati Membri jistgħu jużaw linji gwida jew standards internazzjonali eżistenti, bħal-Linji gwida ISO 20426:2018 għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u l-ġestjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma mhux tajjeb għax-xorb, il-Linji gwida ISO 16075:2015 għall-użu tal-ilma mormi għal proġetti ta’ tisqija jew standards ekwivalenti oħra aċċettati fil-livell internazzjonali, jew il-linji gwida tad-WHO, bħala strumenti għall-identifikazzjoni sistematika ta’ perikli, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, abbażi ta’ approċċ ta’ prijorità applikat għall-katina kollha (mit-trattament tal-ilma mormi urban għall-użu mill-ġdid, għad-distribuzzjoni u l-użu għat-tisqija agrikola, għall-kontroll tal-effetti) u l-valutazzjoni tar-riskji speċifiċi għas-sit.

11.

Jiġi żgurat li jkunu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fost l-atturi differenti biex jiġu ggarantiti l-produzzjoni u l-użu sikuri tal-ilma reklamat.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.06.2020 00:00:00 -Doknr: CELEX:32020R0741
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.