+Artikolu 13 Solidarjetà
---+Artikolu 13 1.
---+Artikolu 13 2.
---+Artikolu 13 3.
---+Artikolu 13 3a.
---+Artikolu 13 4.
---+Artikolu 13 5.
---+Artikolu 13 6.
---+Artikolu 13 7.
---+Artikolu 13 8.
---+Artikolu 13 8a.
---+Artikolu 13 8b.
---+Artikolu 13 8c.
---+Artikolu 13 9.
---+Artikolu 13 10.
---+Artikolu 13 11.
---+Artikolu 13 15.
---+Artikolu 13 16.
|
Artikolu 13 Solidarjetà
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 13 1.
|
Jekk Stat Membru jkun talab l-applikazzjoni tal-miżura ta' solidarjetà skont dan l-Artikolu, Stat Membru li jkun direttament konness mal-Istat Membru rikjedenti jew, fejn l-Istat Membru jipprovdi hekk, l-awtorità kompetenti tiegħu jew l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni tiegħu jew l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni tiegħu għandhom jieħdu, sa fejn ikun possibbli mingħajr ma jinħolqu sitwazzjonijiet perikolużi, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-provvista tal-gass lil klijenti għajr klijenti protetti mis-solidarjetà fit-territorju tiegħu titnaqqas jew ma tkomplix sa fejn ikun meħtieġ u dment li l-provvista ta' gass lil klijenti protetti mis-solidarjetà fl-Istat Membru rikjedenti ma tkunx sodisfatta. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiżgura wkoll li l-volum ta' gass rilevanti jkun konsenjat effettivament lill-klijenti protetti mis-solidarjetà fit-territorju tiegħu. F'ċirkostanzi eċċezzjonali u fuq talba debitament raġunata mill-operatur rilevanti tas-sistema ta' trasmissjoni tal-elettriku jew tal-gass lill-awtorità kompetenti tiegħu, il-provvista tal-gass tista' tkompli wkoll għal ċerti impjanti kritiċi tal-enerġija li jitħaddmu bil-gass kif definit skont l-Artikolu 11(7) fl-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà jekk in-nuqqas ta' provvista tal-gass lil tali impjanti jista' jirriżulta f'dannu serju fil-funzjonament tas-sistema tal-elettriku jew jista' jfixkel il-produzzjoni u/jew it-trasportazzjoni tal-gass.
|
|
Artikolu 13 2.
|
Stat Membru għandu wkoll jipprovdi l-miżura ta' solidarjetà lil Stat Membru ieħor li miegħu jkun konness permezz ta' pajjiż terz sakemm il-flussi ma jkunux ristretti permezz tal-pajjiż terz. Tali estensjoni tal-miżura għandha tkun soġġetta għall-ftehim tal-Istati Membri rilevanti, li għandhom jinvolvu, kif adatt, lill-pajjiż terz li permezz tiegħu huma jkunu konnessi.
|
|
Artikolu 13 3.
|
Miżura ta’ solidarjetà għandha tiġi kkunsidrata bħala l-aħħar alternattiva u għandha tapplika dment li l-Istat Membru rikjedenti:
(a)
ikun iddikjara stat ta’ emerġenza skont l-Artikolu 11;
(b)
ma jkunx kapaċi jkopri n-nuqqas fil-provvista tal-gass lill-klijenti tiegħu protetti mis-solidarjetà minkejja l-applikazzjoni tal-miżura msemmija fl-Artikolu 11(3) jew, meta Stat Membru jkun ħa miżuri temporanji biex inaqqas il-konsum mhux essenzjali tal-gass ta’ klijenti protetti f’konformità mal-Artikolu 11(7a), il-volumi essenzjali tal-konsum tal-gass għall-klijenti protetti mis-solidarjetà tiegħu;
(c)
ikun eżawrixxa l-miżuri kollha bbażati fuq is-suq (miżuri volontarji), il-miżuri kollha mhux ibbażati fuq is-suq (miżuri obbligatorji) u miżuri oħra li jinsabu fil-pjan ta’ emerġenza tiegħu;
(d)
ikun innotifika talba espliċita lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li magħhom huwa konness direttament jew skont il-paragrafu 2 permezz ta’ pajjiż terz, akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-miżuri implimentati msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu.
|
|
Artikolu 13 3a.
|
L-Istati Membri li huma obbligati jipprovdu solidarjetà skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu intitolati jnaqqsu mill-offerta ta’ solidarjetà l-provvista għall-klijenti protetti mis-solidarjetà tagħhom jew, meta Stat Membru jkun ħa miżuri temporanji biex inaqqas il-konsum mhux essenzjali tal-gass ta’ klijenti protetti skont l-Artikolu 11(7a), il-provvisti tal-volumi essenzjali ta’ konsum tal-gass għall-klijenti protetti mis-solidarjetà tagħhom.
|
|
Artikolu 13 4.
|
L-Istati Membri li jirċievu talba għal miżura ta’ solidarjetà għandhom jagħmlu l-offerti abbażi ta’ miżuri volontarji min-naħa tad-domanda sa fejn possibbli u għall-itwal żmien possibbli, qabel ma jirrikorru għal miżuri mhux ibbażati fuq is-suq. Meta l-miżuri bbażati fuq is-suq ma jkunux biżżejjed għall-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà biex ikopri d-defiċit fil-provvista tal-gass lill-klijenti protetti mis-solidarjetà fl-Istat Membru rikjedenti, l-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà jista’ jintroduċi miżuri mhux ibbażati fuq is-suq biex jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.
|
|
Artikolu 13 5.
|
Jekk ikun hemm aktar minn Stat Membru wieħed li jista’ jipprovdi s-solidarjetà lil Stat Membru rikjedenti, l-Istat Membru rikjedenti għandu, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri kollha li jeħtieġ jipprovdu s-solidarjetà, jistinka għall-aktar offerta vantaġġuża abbażi tal-kostijiet, il-veloċità tal-konsenja, l-affidabbiltà u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass. Meta l-offerti disponibbli bbażati fuq is-suq juru li mhumiex biżżejjed biex ikopru d-defiċit fil-provvista tal-gass lill-klijenti protetti mis-solidarjetà fl-Istat Membru rikjedenti jew, meta l-Istat Membru rikjedenti jkun ħa miżuri temporanji biex inaqqas il-konsum tal-gass mhux essenzjali ta’ klijenti protetti f’konformità mal-Artikolu 11(7a), id-defiċit fil-provvista tal-gass tal-volumi essenzjali ta’ konsum tal-gass lill-klijenti protetti mis-solidarjetà tiegħu, l-Istati Membri meħtieġa jipprovdu solidarjetà għandhom ikunu obbligati jattivaw miżuri mhux ibbażati fuq is-suq.
|
|
Artikolu 13 6.
|
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti għandha tinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipprovdu solidarjetà meta tiġi sodisfatta l-provvista tal-gass lil klijenti protetti mis-solidarjetà fit-territorju tiegħu jew fejn l-obbligi fil-paragrafi 1 u 2 jiġu, abbażi tal-ħtiġijiet tiegħu, imnaqqsa, jew fejn jiġu sospiżi fuq it-talba tal-Istat Membru li jirċievi solidarjetà.
|
|
Artikolu 13 7.
|
L-obbligi stabbiliti fl-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw soġġetti għat-tħaddim teknikament sikur u affidabbli tas-sistema tal-gass ta' Stat Membru li jipprovdi solidarjetà u għal-limitu tal-kapaċità massima ta' esportazzjoni tal-interkonnessjoni tal-infrastruttura tal-Istat Membru rilevanti lejn l-Istat Membru rikjedenti. L-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji jistgħu jirriflettu tali ċirkostanzi b'mod partikolari dawk li taħthom is-suq ser jipprovdi sal-kapaċità massima tal-interkonnessjoni.
|
|
Artikolu 13 8.
|
Is-solidarjetà taħt dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta abbażi ta’ kumpens. L-Istat Membru li jitlob solidarjetà għandu jħallas minnufih jew jiżgura l-ħlas minnufih ta’ kumpens ġust lill-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà.
Meta żewġ Stati Membri jkunu qablu dwar l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa skont il-paragrafu 10 (ftehim ta’ solidarjetà), tali kumpens ġust għandu jkopri mill-anqas:
▼B
(a)
il-gass konsenjat fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti;
(b)
l-ispejjeż rilevanti u raġonevoli kollha l-oħra mġarrba meta tiġi pprovduta s-solidarjetà, inkluż, fejn xieraq, l-ispejjeż ta' tali miżuri li setgħu ġew stabbiliti minn qabel;
(c)
rimborż għal kwalunkwe kumpens li jirrizulta minn proċedimenti ġudizzjarji, proċedimenti ta' arbitraġġ jew proċedimenti simili u soluzzjonijiet u spejjeż relatati ta' tali proċedimenti li jinvolvu lill-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà fil-konfront ta' entitajiet involuti fl-għoti ta' tali solidarjetà.
Kumpens ġust skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandu jinkludi, fost l-oħrajn, l-ispejjeż raġonevoli kollha li l-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà jġarrab minn obbligu li jħallas kumpens minħabba d-drittijiet fundamentali garantiti mid-dritt tal-Unjoni u minħabba l-obbligi internazzjonali applikabbli meta jiġi implimentat dan l-Artikolu u spejjeż raġonevoli ulterjuri mġarrba mill-ħlas ta’ kumpens skont regoli nazzjonali dwar il-kumpens. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa, b’mod partikolari l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji skont il-paragrafu 10, biex jiġu implimentati l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-paragrafu. Tali miżuri jistgħu jipprevedu l-arranġamenti prattiċi għal ħlas minnufih.
|
|
Artikolu 13 8a.
|
Meta żewġ Stati Membri ma jkunux ftiehmu dwar l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji meħtieġa skont il-paragrafu 10 permezz ta’ ftehim ta’ solidarjetà, il-konsenja tal-gass skont l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 fil-każ ta’ emerġenza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet f’dan il-paragrafu. Il-kumpens għall-miżura ta’ solidarjetà ma għandux jaqbeż il-kostijiet raġonevoli. Sakemm kemm l-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà kif ukoll l-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà ma jaqblux mod ieħor, il-kumpens għandu jinkludi:
(a)
il-prezz għall-gass fl-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà;
(b)
l-ispejjeż tal-ħażna u tat-trasport;
(c)
il-kostijiet ta’ litigazzjoni għall-proċedimenti ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ relatati li jinvolvu lill-Istat Membru li jkun qed jipprovdi s-solidarjetà;
(d)
kostijiet indiretti oħra li mhumiex koperti mill-prezz għall-gass, bħar-rimborż ta’ ħsarat finanzjarji jew ħsarat oħra li jirriżultaw minn tnaqqis infurzat ta’ tagħbija kostanti tal-klijenti mid-ditti b’rabta mal-għoti ta’ solidarjetà.
Sakemm l-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà u l-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà ma jaqblux dwar prezz ieħor, il-prezz għall-gass ipprovdut lill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà għandu jikkorrispondi għall-prezz tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem fl-Istat Membru li jipprovdi solidarjetà, il-ġurnata ta’ qabel it-talba għas-solidarjetà jew il-prezz tas-suq korrispondenti ta’ ġurnata bil-quddiem fl-eqreb punt ta’ skambju, fl-eqreb punt ta’ negozjar virtwali aċċessibbli, jew f’hub maqbul matul il-ġurnata ta’ qabel it-talba għas-solidarjetà. Il-kumpens għall-volumi tal-gass ikkonsenjati fil-kuntest ta’ talba ta’ solidarjetà għandu jitħallas direttament mill-Istat Membru li jitlob is-solidarjetà lill-Istat Membru li jipprovdi s-solidarjetà jew lill-entità li ż-żewġ Stati Membri jindikaw fit-tweġiba tagħhom għat-talba ta’ solidarjetà u l-konferma tal-wasla u tal-volum li għandu jittieħed. L-Istat Membru li lilu tkun indirizzata t-talba għal miżura ta’ solidarjetà għandu jipprovdi l-miżura ta’ solidarjetà mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ħin ta’ konsenja indikat għat-talba. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jipprovdi s-solidarjetà lil Stat Membru li jitlob solidarjetà dment li l-Istat Membru rikjedenti juri li:
(a)
ma għandux biżżejjed gass għall-volumi li għandhom jiġu fornuti għall-klijenti protetti mis-solidarjetà; jew
(b)
ma għandux biżżejjed kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli, kif stipulat fl-Artikolu 13(7), jew il-flussi tal-gass huma ristretti permezz ta’ pajjiż terz.
Tali rifjut għandu jkun strettament limitat għall-volumi ta’ gass affettwati minn limitazzjoni waħda jew mit-tnejn li huma msemmija fir-raba’ subparagrafu. Minbarra r-regoli prestabbiliti previsti f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jaqblu dwar l-arranġamenti tekniċi u dwar il-koordinazzjoni tal-għoti ta’ solidarjetà. Dan il-paragrafu għandu jkunu mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti eżistenti għat-tħaddim sikur u affidabbli tas-sistema tal-gass.
|
|
Artikolu 13 8b.
|
Meta żewġ Stati Membri ma jkunux qablu dwar l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji meħtieġa skont il-paragrafu 10 permezz ta’ ftehim ta’ solidarjetà, l-Istat Membru li jitlob l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ solidarjetà għandu joħroġ talba ta’ solidarjetà lil Stat Membru ieħor, li tindika mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)
id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru;
(b)
meta rilevanti, id-dettalji ta’ kuntatt tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni rilevanti tal-Istat Membru;
(c)
meta rilevanti, id-dettalji ta’ kuntatt tal-parti terza li taġixxi f’isem l-Istat Membru;
(d)
il-perijodu ta’ konsenja inkluż iż-żmien tal-ewwel kunsinna possibbli u d-durata antiċipata tal-konsenji;
(e)
il-punti ta’ konsenja u ta’ interkonnessjoni;
(f)
il-volum tal-gass f’kWh għal kull punt ta’ interkonnessjoni;
It-talba ta’ solidarjetà għandha tintbagħat, simultanjament, lill-Istati Membri li potenzjalment ikunu kapaċi jipprovdu miżuri ta’ solidarjetà, lill-Kummissjoni u lill-maniġers tal-kriżijiet deżinjati skont l-Artikolu 10(1), il-punt (g). L-Istati Membri li jirċievu talba ta’ solidarjetà għandhom jibagħtu tweġiba li tindika d-dettalji ta’ kuntatt imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), u l-volum u l-kwalità li jistgħu jiġu pprovduti lill-punti ta’ interkonnessjoni fiż-żmien mitlub kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punti (d) sa (g). Jekk il-volum li jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ miżuri volontarji ma jkunx biżżejjed, ir-rispons għandu jindika l-volum li jirriżulta minn tnaqqis possibbli, mir-rilaxx ta’ stokkijiet strateġiċi jew mill-applikazzjoni ta’ miżuri oħra. It-talbiet ta’ solidarjetà għandhom jintbagħtu mill-anqas 48 siegħa qabel il-ħin tal-konsenja għall-gass indikat. Ir-rispons għat-talbiet ta’ solidarjetà għandu jsir effettiv fi żmien 18-il siegħa. Il-konferma tal-volum li għandu jittieħed mill-Istat Membru li jitlob solidarjetà għandha ssir effettiva fi żmien sitt sigħat mill-wasla tal-offerta ta’ solidarjetà u mill-anqas 24 siegħa qabel il-ħin tal-konsenja għall-gass indikat. It-talba tista’ titressaq għal perijodu ta’ jum jew diversi jiem, u r-rispons għandu jaqbel mad-durata mitluba. Meta jkun hemm diversi Stati Membri li jipprovdu s-solidarjetà u jkunu fis-seħħ arranġamenti bilaterali ta’ solidarjetà ma’ wieħed jew aktar minnhom, dawk l-arranġamenti għandhom jipprevalu bejn l-Istati Membri li jkunu qablu b’mod bilaterali. Ir-regoli prestabbiliti previsti f’dan il-paragrafu għandhom ikunu applikabbli biss fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra li jipprovdu s-solidarjetà. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ solidarjetà, b’mod partikolari permezz ta’ mudell aċċessibbli fuq pjattaforma online sigura li tippermetti t-trażmissjoni f’ħin reali tat-talbiet u tal-offerti.
|
|
Artikolu 13 8c.
|
Meta tiġi pprovduta miżura ta’ solidarjetà f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, l-ammont finali tal-kumpens li jkun tħallas mill-Istat Membru rikjedenti għandu jkun soġġett għal kontroll ex post mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istat Membru fornitur u tal-Istat Membru rikjedenti, fi żmien tliet xhur minn tmiem l-emerġenza. Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma jkunux laħqu ftehim dwar il-kalkolu tal-ammont finali tal-kumpens ġust, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mingħajr dewmien. F’dak il-każ, jew fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija għandha tikkalkula l-livell xieraq ta’ kumpens ġust għall-ispejjeż indiretti li jkunu saru b’riżultat tal-għoti tas-solidarjetà u tipprovdi opinjoni fattwali fi żmien tliet xhur mid-data ta’ riferiment lill-Aġenzija. Qabel tagħti tali opinjoni fattwali, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Il-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ xahrejn meta l-Aġenzija titlob aktar informazzjoni. Dak il-perjodu addizzjonali għandu jibda mill-għada li tasal l-informazzjoni sħiħa. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiġi kkonsultat u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-kontroll ex post. Wara l-konsultazzjoni mal-Istat Membru rikjedenti, l-awtorità li teżerċita dak il-kontroll ex post hija intitolata li titlob rettifika tal-ammont tal-kumpens, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Istat Membru rikjedenti. Il-konklużjonijiet ta’ dak il-kontroll ex post għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, li għandha tqishom fir-rapport tagħha dwar l-emerġenza skont l-Artikolu 14(3).
|
|
Artikolu 13 9.
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu f'konformità mat-Trattati, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-obbligi internazzjonali applikabbli. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dak l-għan.
|
|
Artikolu 13 10.
|
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-gass jiġi fornut lill-klijenti protetti mis-solidarjetà fl-Istat Membru rikjedenti f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 u għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqblu dwar arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji. Tali arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji għandhom jiġu miftiehma bejn l-Istati Membri li jkunu direttament konnessi jew, f’konformità mal-paragrafu 2, li jkunu konnessi permezz ta’ pajjiż terz, u għandhom jiġu deskritti fil-pjanijiet ta’ emerġenza rispettivi tagħhom. Tali arranġamenti jistgħu jkopru, fost affarijiet oħra, l-elementi li ġejjin:
(a)
is-sikurezza operazzjonali tan-networks;
(b)
il-prezzijiet tal-gass li għandhom jiġu applikati u l-metodoloġija għall-iffissar tal-prezzijiet, filwaqt li jittieħed kont tal-impatt fuq il-funzjonament tas-suq;
(c)
l-użu tal-interkonnessjonijiet, inklużi l-kapaċità bidirezzjonali u l-ħżin tal-gass taħt l-art;
(d)
il-volumi tal-gass jew il-metodoloġija għall-iffissar tal-volumi;
(e)
il-kategoriji tal-ispejjeż li jridu jiġu koperti permezz ta’ kumpens ġust u fil-pront, li jistgħu jinkludu danni għall-industrija affettwata;
(f)
indikazzjoni tal-metodu li bih jista’ jiġi kkalkulat kumpens ġust.
L-arranġament finanzjarju miftiehem bejn l-Istati Membri qabel ma tintalab is-solidarjetà għandu jkun fih dispożizzjonijiet li jippermettu l-kalkolu tal-kumpens ġust mill-anqas għall-ispejjeż rilevanti u raġonevoli kollha mġarrba meta tiġi pprovduta solidarjetà u impenn li tali kumpens ser jitħallas. Kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kumpens għandu jipprovdi inċentivi favur parteċipazzjoni f’soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq bħal irkanti u mekkaniżmi fin-naħa tad-domanda. Ma għandux joħloq inċentivi perversi, inkluż fit-termini finanzjarji, għall-parteċipanti tas-suq biex jipposponu l-azzjoni tagħhom sakemm jiġu applikati miżuri mhux ibbażati fuq is-suq. Il-mekkaniżmi ta’ kumpens kollha jew mill-inqas is-sommarju tagħhom għandhom jiġu inklużi fil-pjani ta’ emerġenza. Meta jinħolqu kostijiet raġonevoli ġodda u sinifikanti li għandhom jiġu inklużi fil-kumpens ġust, b’riżultat ta’ proċedimenti ġudizzjarji skont il-paragrafu 8, it-tieni subparagrafu, il-punt (c) wara l-konklużjoni tal-kontroll ex post, l-Istat Membru fornitur għandu jinforma immedjatament lill-Istat Membru rikjedenti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn rilevanti, l-Aġenzija għandhom iwettqu kontroll ex post ġdid skont il-paragrafu 8c. L-eżitu ta’ dak il-kontroll ex post ġdid huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu li Stat Membru fornitur jikkumpensa għad-danni lill-klijenti skont il-liġi nazzjonali u d-dritt tagħhom li jirċievu kumpens ġust.
|
|
Artikolu 13 11.
|
Sakemm Stat Membru jkun jista’ jkopri l-konsum tal-gass għall-klijenti tiegħu protetti mis-solidarjetà mill-produzzjoni tiegħu stess, ma għandux jitqies meħtieġ li jikkonkludi arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji ma’ Stati Membri li magħhom huwa direttament konness jew, f’konformità mal-paragrafu 2, permezz ta’ pajjiż terz, għall-fini li jirċievi s-solidarjetà. Dan ma għandux jaffettwa l-obbligu tal-Istat Membru rilevanti li jipprovdi solidarjetà lil Stati Membri oħra skont dan l-Artikolu.
|
|
Artikolu 13 15.
|
L-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jibqgħu japplikaw immedjatament wara d-dikjarazzjoni tat-tmiem ta’ emerġenza jew meta l-Kummissjoni tikkonkludi, f’konformità mal-Artikolu 11(8), l-ewwel subparagrafu, li d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza mhijiex jew ma għadhiex ġustifikata.
|
|
Artikolu 13 16.
|
Fejn l-Unjoni ġġarrab spejjeż minħabba kwalunkwe responsabbiltà, għajr atti illegali jew kondotta illegali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-TFUE, fir-rigward ta' miżuri li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu skont dan l-Artikolu, dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati lilha mill-Istat Membru li jirċievi s-solidarjetà.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 22.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R1938
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|