+Artikolu 12 Parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà
---+Artikolu 12 1
---+Artikolu 12 2
---+Artikolu 12 3
---+Artikolu 12 4
---+Artikolu 12 5
---+Artikolu 12 6
---+Artikolu 12 7
---+Artikolu 12 8
---+Artikolu 12 9
---+Artikolu 12 10

Artikolu 12 Parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 12 1

1.   L-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti għandhom jiżguraw li, sa fejn l-operazzjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali jew inkella taqa’ taħt il-kompetenza superviżorja ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali oħrajn li jipprovdu jew jappoġġaw l-aċċess għad-data, l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali l-oħrajn li huma assoċjati mal-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà. Kif xieraq, il-parteċipanti jistgħu jippermettu l-involviment fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà ta’ atturi oħrajn tal-GovTech bħal organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej tal-istandardizzazzjoni, korpi notifikati, laboratorji ta’ riċerka u ta’ esperimentazzjoni, ċentri ta’ innovazzjoni, u kumpaniji li jixtiequ jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, b’mod partikolari SMEs u negozji ġodda.

Artikolu 12 2

2.   Il-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għandha tkun limitata għal perjodu li jkun xieraq għall-kumplessità u għall-iskala tal-proġett, li għandu, fi kwalunkwe każ, ma jaqbiżx sentejn mill-istabbiliment tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà. Jekk ikun meħtieġ, il-parteċipazzjoni tista’ tiġi estiża sa sena biex jintlaħaq l-iskop tal-ipproċessar.

Artikolu 12 3

3.   Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà għandha tkun ibbażata fuq pjan speċifiku elaborat mill-parteċipanti u filwaqt li jitqies, kif applikabbli, il-parir ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħrajn jew tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-pjan għandu jkun fih tal-inqas dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-parteċipanti involuti u r-rwoli tagħhom, is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà prevista u l-iskop maħsub tagħha, u l-proċess rilevanti ta’ żvilupp, ittestjar u validazzjoni;

(b)

il-kwistjonijiet regolatorji speċifiċi involuti u l-gwida li hija mistennija mill-awtoritajiet li jwettqu s-superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà;

(c)

l-arranġamenti speċifiċi għal kollaborazzjoni bejn il-parteċipanti u l-awtoritajiet, kif ukoll kwalunkwe attur ieħor involut fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà;

(d)

mekkaniżmu ta’ ġestjoni u monitoraġġ tar-riskju sabiex jiġi identifikat, evitat u mmitigat kwalunkwe riskju;

(e)

l-istadji importanti ewlenin li jridu jitlestew mill-parteċipanti biex is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà titqies lesta biex titqiegħed fis-servizz;

(f)

rekwiżiti ta’ evalwazzjoni u rapportar u segwitu possibbli;

(g)

meta jkun strettament meħtieġ u proporzjonat li tiġi pproċessata data personali, ir-raġunijiet għal tali pproċessar, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali kkonċernata, l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalih tkun maħsuba d-data personali, il-kontrolluri u l-proċessuri involuti fl-ipproċessar u r-rwol tagħhom.

Artikolu 12 4

4.   Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà ma għandhiex taffettwa s-setgħat superviżorji u korrettivi ta’ kwalunkwe awtorità li twettaq superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni.

Artikolu 12 5

5.   Il-parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għandhom jibqgħu responsabbli skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli dwar ir-responsabbiltà għal kwalunkwe dannu kkawżat matul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà.

Artikolu 12 6

6.   Id-data personali tista’ tiġi pproċessata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom tkun inġabret legalment inizjalment, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà tiġi żviluppata biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi pubbliċi fil-kuntest ta’ livell għoli ta’ effiċjenza u kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi;

(b)

id-data pproċessata hija limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-funzjonament tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li tkun ser tiġi żviluppata jew ittestjata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, u dak il-funzjonament ma jistax jinkiseb b’mod effettiv bl-ipproċessar ta’ data anonimizzata, sintetika jew mhux personali oħra;

(c)

ikun hemm mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ sabiex jiġi identifikat jekk jistax jinħoloq kwalunkwe riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1725, matul l-operat tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, kif ukoll mekkaniżmu ta’ rispons sabiex jittaffa minnufih dak ir-riskju u, fejn meħtieġ, jitwaqqaf l-ipproċessar;

(d)

kwalunkwe data personali li tkun ser tiġi pproċessata tkun f’ambjent tal-ipproċessar tad-data funzjonalment separat, iżolat u protett taħt il-kontroll tal-parteċipanti u persuni awtorizzati kif dovut biss ikollhom aċċess għal dik id-data;

(e)

kwalunkwe data personali pproċessata ma għandhiex tiġi trażmessa, trasferita jew aċċessata b’xi mod ieħor minn partijiet oħra li mhumiex parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, ħlief jekk dan l-iżvelar iseħħ f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 jew, meta applikabbli, ir-Regolament (UE) 2018/1725, u l-parteċipanti kollha jkunu qablu miegħu;

(f)

kwalunkwe pproċessar ta’ data personali ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif previst skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(g)

kwalunkwe data personali pproċessata tkun protetta permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa u titħassar ladarba l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà tkun intemmet jew id-data personali tkun laħqet it-tmiem tal-perjodu taż-żamma tagħha;

(h)

il-logs tal-ipproċessar ta’ data personali jinżammu għat-tul tal-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali;

(i)

deskrizzjoni sħiħa u dettaljata tal-proċess u r-raġunament għat-taħriġ, għall-ittestjar u għall-validazzjoni tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà jinżammu flimkien mar-riżultati tal-ittestjar bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika u jingħaddew lill-Bord;

(j)

sommarju qasir tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà żviluppata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, l-objettivi tagħha u r-riżultati mistennija jitqiegħdu fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

Artikolu 12 7

7.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali li tistabbilixxi l-bażi għall-ipproċessar ta’ data personali li hija meħtieġa għall-fini tal-iżvilupp, l-ittestjar u t-taħriġ ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-interoperabbiltà jew ta’ kwalunkwe bażi ġuridika oħra, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 12 8

8.   Il-parteċipanti għandhom jissottomettu rapporti perjodiċi u rapport finali lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati mill-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà, inkluż prattiki tajbin, it-tagħlimiet meħuda, miżuri ta’ sikurezza rakkomandazzjonijiet dwar l-operazzjoni tagħhom u, fejn rilevanti, dwar l-iżvilupp ta’ dan ir-Regolament u ta’ liġi oħra tal-Unjoni taħt superviżjoni fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà. Il-Bord għandu joħroġ opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà, li tispeċifika, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati soluzzjonijiet ġodda tal-interoperabbiltà sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.

Artikolu 12 9

9.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà ssir disponibbli fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.

Artikolu 12 10

10.   Sat-12 ta’ April 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu ir-regoli dettaljati u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għat-tħaddim tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji tal-interoperabbiltà, inkluż il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura għall-applikazzjoni, għall-għażla tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà għall-parteċipazzjoni fih u għall-ħruġ minnu, u d-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.03.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R0903
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.