2. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom ifasslu pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li għalihom jivvalutaw li huwa aktar probabbli, meta mqabbla ma' impriżi oħrajn taħt il-mandat tagħhom, li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tkun fl-interess pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 19(5) fil-każ tal-falliment tal-impriża kkonċernata, jew li għalihom l-awtoritajiet jivvalutaw li jwettqu funzjoni kritika. Dawk il-valutazzjonijiet għandhom i qisu, bħala minimu, il-ħtieġa li jintlaħqu l-objettivi ta' riżoluzzjoni u d-daqs, il-mudell tan-negozju, il-profil tar-riskju, l-interkonnettività, is-sostitwibbiltà u b'mod partikolari l-attività transfruntiera tal-impriża.
Abbażi tal-valutazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li tal-anqas 40 % tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-ħajja tal-Istat Membru u 40 % tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mhux tal-ħajja – is-sehem tas-suq tal-ħajja bbażat fuq provvedimenti tekniċi grossi u s-sehem tas-suq mhux tal-ħajja bbażat fuq primjums grossi miktuba – ikunu soġġetti għal ppjanar ta' riżoluzzjoni. Fil-kalkolu tal-livell ta' kopertura tas-suq, l-impriżi sussidjarji ta' grupp jistgħu jitqiesu meta dawk l-impriżi sussidjarji jkunu koperti fil-pjan ta' riżoluzzjoni ta' grupp.
L-impriżi żgħar u mhux kumplessi ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' ppjanar ta' riżoluzzjoni, ħlief meta awtorità ta' riżoluzzjoni tqis li tali impriża tirrappreżenta riskju partikolari fil-livell nazzjonali jew reġjonali.