Artikolu 29a
Prijoritajiet superviżorji strateġiċi tal-Unjoni
Wara diskussjoni fil-Bord tas-Superviżuri u filwaqt li jitqiesu l-kontribuzzjonijiet li jaslu mingħand l-awtoritajiet kompetenti, il-ħidma eżistenti tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, u l-analiżi, it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-BERS, l-Awtorità għandha, mill-inqas kull tliet snin, sal-31 ta’ Marzu, tidentifika massimu ta’ żewġ prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha li għandhom jirriflettu żviluppi u xejriet futuri. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawk il-prijoritajiet meta jfasslu l-programmi ta’ ħidma tagħhom u għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità kif adatt. L-Awtorità għandha tiddiskuti l-attivitajiet rilevanti fis-sena ta’ wara mill-awtoritajiet kompetenti, u tislet konklużjonijiet. L-Awtorità għandha tiddiskuti segwitu possibbli li jista’ jinkludi, fost oħrajn, linji gwida, rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet kompetenti, u reviżjonijiet bejn il-pari, fil-qasam rispettiv.
Il-prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha identifikati mill-Awtorità ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet kompetenti milli japplikaw l-aħjar prattiki tagħhom, filwaqt li jaġixxu fuq il-bażi ta’ prijoritajiet u żviluppi addizzjonali tagħhom, u għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.