+ANNESS II

ANNESS II

ANNESS II

REKWIŻITI TAS-SISTEMA TA' ĠESTJONI AMBJENTALI U KWISTJONIJIET ADDIZZJONALI LI GĦANDHOM JIĠU INDIRIZZATI MILL-ORGANIZZAZZJONIJIET LI JIMPLIMENTAW L-EMAS

Ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-EMAS huma dawk stabbiliti fit-Taqsima 4 sa 10 tal-istandard EN ISO 14001:2015. Dawn ir-rekwiżiti huma riprodotti fil-Parti A.

Ir-referenzi magħmula fl-Artikolu 4 għal punti speċifiċi ta' dan l-Anness għandhom jinftiehmu kif ġej:

Ir-referenza għall-punt A.3.1 għandha tinftiehem bħala referenza għall-Parti A 6.1
Ir-referenza għall-punt A 5.5 għandha tinftiehem bħala referenza għall-Parti A 9.2.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-EMAS huma meħtieġa jindirizzaw għadd ta' kwistjonijiet addizzjonali li għandhom rabta diretta ma' għadd ta' elementi tat-Taqsima 4 tal-istandard EN ISO 14001:2015. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali huma elenkati fil-Parti B ta' dan l-Anness.


PARTI A

rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali skont l-EN ISO 14001:2015

PARTI B

rekwiżiti addizzjonali għall-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-EMAS

L-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) għandhom jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-EN ISO 14001:2015 (1) li qed jiġu riprodotti hawn taħt.

A.4  Kuntest tal-organizzazzjoni

A.4.1  Fehim tal-organizzazzjoni u l-kuntest tagħha

L-organizzazzjoni għandha tiddetermina l-kwistjonijiet esterni u interni li huma rilevanti għall-iskop tagħha u li jaffettwaw il-ħila tagħha li tikseb ir-riżultati mistennija tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha. Kwistjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu kundizzjonijiet ambjentali li huma affettwati mill-organizzazzjoni jew li jistgħu jaffettwawha.

A.4.2  Komprensjoni tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet interessati

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)  il-partijiet interessati li huma rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(b)  il-ħtiġijiet u l-aspettattivi rilevanti (jiġifieri r-rekwiżiti) ta' dawn il-partijiet interessati;

(c)  liema minn dawn il-ħtiġijiet u l-aspettattivi jsiru l-obbligi ta' konformità tagħha.

A.4.3  Stabbiliment tal-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-konfini u l-applikabbiltà tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali sabiex tistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

Fl-istabbiliment ta' dan il-kamp ta' applikazzjoni, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra:

(a)  il-kwistjonijiet esterni u interni msemmija fil-punt A.4.1;

(b)  l-obbligi ta' konformità msemmija fil-punt A.4.2;

(c)  l-unità(jiet) organizzattiva/i, il-funzjoni(jiet), u l-konfini fiżiċi tagħha;

(d)  l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha;

(e)  l-awtorità u l-ħila tagħha li teżerċita kontroll u influwenza.

Ladarba jiġi definit il-kamp ta' applikazzjoni, l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kollha tal-organizzazzjoni fi ħdan dak il-kamp ta' applikazzjoni jridu jiġu inklużi fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Il-kamp ta' applikazzjoni għandu jinżamm bħala informazzjoni dokumentata u jkun disponibbli għall-partijiet interessati.

A.4.4  Sistema ta' ġestjoni ambjentali

Biex tikseb ir-riżultati mistennija, inkluż it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta, iżżomm u kontinwament ittejjeb sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi l-proċessi meħtieġa u l-interazzjonijiet tagħhom, skont ir-rekwiżiti ta' dan l-Istandard Internazzjonali.

L-organizzazzjoni għandha tqis l-għarfien miksub fil-punti 4.1 u 4.2 meta tistabbilixxi u żżomm is-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

 

A.5  Tmexxija

A.5.1  Tmexxija u impenn

Il-maniġment superjuri għandu juri sens ta' tmexxija u impenn fir-rigward tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali billi:

(a)  jieħu r-responsabbiltà għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(b)  jassigura li jiġu stabbiliti l-politika ambjentali u l-objettivi ambjentali u li dawn ikunu kompatibbli mad-direzzjoni strateġika u l-kuntest tal-organizzazzjoni;

(c)  jassigura l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali fil-proċessi tan-negozju tal-organizzazzjoni;

(d)  jassigura li r-riżorsi meħtieġa għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali jkunu disponibbli;

(e)  jikkomunika l-importanza ta' ġestjoni ambjentali effettiva u tal-konformità mar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(f)  jassigura li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tikseb ir-riżultati mistennija tagħha;

(g)  imexxi u jappoġġa persuni sabiex jikkontribwixxu għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(h)  jippromwovi t-titjib kontinwu;

(i)  jappoġġa rwoli ta' ġestjoni rilevanti oħra biex juru s-sens ta' tmexxija tagħhom kif japplika għall-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.

Nota:  Ir-referenza għan-“negozju” f'dan l-Istandard Internazzjonali tista' tiġi interpretata b'mod ġenerali biex tfisser dawk l-attivitajiet li huma ċentrali għall-finijiet tal-eżistenza tal-organizzazzjoni.

 

A.5.2  Politika Ambjentali

Il-maniġment superjuri għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm politika ambjentali li, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni definit tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tiegħu, din:

(a)  tkun xierqa għall-iskop u l-kuntest tal-organizzazzjoni, inklużi n-natura, l-iskala u l-impatti ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha;

(b)  tipprovdi qafas għall-iffissar tal-objettivi ambjentali;

(c)  tinkludi impenn għall-protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-prevenzjoni tat-tniġġis u impenji speċifiċi oħra rilevanti għall-kuntest tal-organizzazzjoni;

Nota:  Impenji speċifiċi oħra għall-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jinkludu l-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-addattament għaliha, u l-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi.

(d)  tinkludi impenn li tissodisfa l-obbligi ta' konformità tagħha;

(e)  tinkludi impenn għat-titjib kontinwu tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali sabiex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali.

Il-politika ambjentali għandha:

— tinżamm bħala informazzjoni dokumentata;

— tiġi komunikata fi ħdan l-organizzazzjoni;

— tkun disponibbli għall-partijiet interessati.

B.1.  Titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali

L-organizzazzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jtejbu kontinwament il-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

Jekk organizzazzjoni tikkonsisti f'sit wieħed jew aktar, kull wieħed mis-siti li għalih tapplika l-EMAS għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-EMAS inkluż it-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali kif definit fl-Artikolu 2(2).

A.5.3  Rwoli, responsabbiltajiet u awtoritajiet tal-organizzazzjoni

Il-maniġment superjuri għandu jassigura li r-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet għar-rwoli rilevanti jiġu assenjati u kkomunikati fi ħdan l-organizzazzjoni.

Il-maniġment superjuri għandu jassenja r-responsabbiltà u l-awtorità:

(a)  sabiex ikun assigurat li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan l-Istandard Internazzjonali;

(b)  sabiex tiġi rappurtata l-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inkluża l-prestazzjoni ambjentali, lill-maniġment superjuri.

B.2.  Rappreżentant(i) tal-maniġment

Il-maniġment superjuri għandu jaħtar rappreżentant(i) speċifiku/ċi tal-maniġment li, irrispettivament minn responsabbiltajiet oħra, għandu jkollu/ikollhom rwoli, responsabbiltajiet u awtorità definiti sabiex jassigura(w) sistema ta' ġestjoni ambjentali f'konformità ma' dan ir-Regolament u jirrappurta(w) lill-maniġment superjuri dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Ir-rappreżentant tal-maniġment superjuri jista' jkun membru tal-maniġment superjuri tal-organizzazzjoni.

A.6  Ippjanar

A.6.1  Azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati r-riskji u l-opportunitajiet

A.6.1.1  Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti fil-punti 6.1.1 sa 6.1.4.

Meta tkun qiegħda tippjana għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra:

— il-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 4.1;

— ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 4.2;

— il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha; u tistabbilixxi r-riskji u l-opportunitajiet, relatati ma':

— 

— l-aspetti ambjentali tagħha (ara l-punt 6.1.2);

— l-obbligi ta' konformità tagħha (ara l-punt 6.1.3);

— kwistjonijiet u rekwiżiti oħra, identifikati fil-punti 4.1 u 4.2; li jridu jiġu indirizzati sabiex:

— 

— tingħata assigurazzjoni li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tkun tista' tikseb ir-riżultati mistennija tagħha;

— jiġu evitati, jew imnaqqsa, l-effetti mhux mixtieqa, inkluż il-potenzjal ta' kundizzjonijiet ambjentali esterni li jaffettwaw lill-organizzazzjoni;

— jinkiseb titjib kontinwu.

Fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tiddetermina s-sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza, inklużi dawk li jista' jkollhom impatt ambjentali.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata dwar:

— ir-riskji u l-opportunitajiet li jridu jiġu indirizzati;

— il-proċessi meħtieġa fil-punti 6.1.1 sa 6.1.4, safejn ikun meħtieġ sabiex ikun hemm kunfidenza li dawn ikunu qegħdin jitwettqu kif ippjanat.

A.6.1.2  Aspetti ambjentali

Fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni definit tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-aspetti ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha li hija tista' tikkontrolla u dawk li hija tista' tinfluwenza, u l-impatti ambjentali assoċjati tagħhom, billi tikkunsidra perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

Meta tkun qiegħda tiddetermina l-aspetti ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra:

(a)  il-bidla, inklużi l-iżviluppi ppjanati jew ġodda, u l-attivitajiet, prodotti u servizzi ġodda jew modifikati;

(b)  kundizzjonijiet abnormali u sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jistgħu jiġu previsti b'mod raġonevoli.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi dawk l-aspetti li għandhom jew li jista' jkollhom impatt ambjentali sinifikanti billi tuża kriterji stabbiliti.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha fost id-diversi livelli u funzjonijiet tal-organizzazzjoni, kif ikun xieraq.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata dwar:

— l-aspetti ambjentali tagħha u l-impatti ambjentali assoċjati;

— il-kriterji użati sabiex tiddetermina l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

— l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

Nota:  Aspetti ambjentali sinifikanti jistgħu jirriżultaw f'riskji u opportunitajiet assoċjati jew ma' impatti ambjentali ta' ħsara (theddidiet) jew ma' impatti ambjentali ta' benefiċċju (opportunitajiet).

B.3  Analiżi ambjentali

L-organizzazzjonijiet għandhom iwettqu u jiddokumentaw analiżi ambjentali inizjali kif stabbilit fl-Anness I.

L-organizzazzjonijiet barra l-Unjoni għandhom jirreferu wkoll għar-rekwiżiti ġuridiċi relatati mal-ambjent, li jkunu applikabbli għal organizzazzjonijiet simili fl-Istati Membri fejn ikun beħsiebhom jissottomettu applikazzjoni.

A.6.1.3  Obbligi ta' konformità

L-organizzazzjoni għandha:

(a)  tistabbilixxi u jkollha aċċess għall-obbligi ta' konformità relatati mal-aspetti ambjentali tagħha;

(b)  tistabbilixxi kif dawn l-obbligi ta' konformità japplikaw għall-organizzazzjoni;

(c)  tqis dawn l-obbligi ta' konformità meta tistabbilixxi, timplimenta, iżżomm u kontinwament ittejjeb is-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata tal-obbligi ta' konformità tagħha.

Nota:  L-obbligi ta' konformità jistgħu jirriżultaw f'riskji u opportunitajiet għall-organizzazzjoni.

A.6.1.4  Ippjanar tal-azzjoni

L-organizzazzjoni għandha tippjana:

(a)  biex tieħu azzjonijiet sabiex tindirizza:

(1)  l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

(2)  l-obbligi ta' konformità tagħha;

(3)  ir-riskji u l-opportunitajiet identifikati fil-punt 6.1.1;

(b)  kif:

(1)  tintegra u timplimenta l-azzjonijiet fil-proċessi tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha (ara l-punt 6.2, il-Klawżola 7, il-Klawżola 8 u l-punt 9.1), jew fi proċessi oħra tan-negozju;

(2)  tevalwa l-effettività ta' dawn l-azzjonijiet (ara l-punt 9.1).

Meta tkun qiegħda tippjana dawn l-azzjonijiet, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-opzjonijiet teknoloġiċi tagħha u r-rekwiżiti finanzjarji, operattivi u kummerċjali tagħha.

B.4.  Konformità legali

L-organizzazzjonijiet irreġistrati mal-EMAS jew li jkunu jixtiequ jirreġistraw għandhom juru li ssodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)  ikunu identifikaw, u jafu l-implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni, tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli kollha relatati mal-ambjent;

(2)  jassiguraw il-konformità legali mal-leġiżlazzjoni ambjentali, inklużi l-permessi u l-limiti tal-permessi u jipprovdu l-evidenza xierqa;

(3)  ikollhom fis-seħħ proċeduri li jippermettu lill-organizzazzjoni li tassigura konformità legali kontinwa mal-leġiżlazzjoni ambjentali.

A.6.2  L-objettivi ambjentali u l-ippjanar sabiex jintlaħqu

 

A.6.2.1  Objettivi ambjentali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi objettivi ambjentali fil-funzjonijiet u l-livelli rilevanti, billi tqis l-aspetti ambjentali sinifikanti u l-obbligi ta' konformità assoċjati tal-organizzazzjoni, u billi tqis ir-riskji u l-opportunitajiet tagħha.

L-objettivi ambjentali għandhom ikunu:

(a)  konsistenti mal-politika ambjentali;

(b)  miżurabbli (jekk ikun prattikabbli);

(c)  immonitorjati;

(d)  ikkomunikati;

(e)  aġġornati kif xieraq.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata dwar l-objettivi ambjentali.

A.6.2.2  Ippjanar tal-azzjonijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali

Meta tkun qiegħda tippjana kif tilħaq l-objettivi ambjentali tagħha, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)  x'se jsir;

(b)  x'riżorsi se jkunu meħtieġa;

(c)  min se jkun responsabbli;

(d)  meta se jitlesta;

(e)  kif se jiġu evalwati r-riżultati, inklużi l-indikaturi sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn il-kisba tal-objettivi ambjentali miżurabbli tagħha (ara l-punt 9.1.1).

L-organizzazzjoni għandha tikkunsidra kif l-azzjonijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali tagħha jistgħu jiġu integrati fil-proċessi tan-negozju tal-organizzazzjoni.

B.5.  Objettivi ambjentali

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru illi s-sistema ta' ġestjoni u l-proċeduri ta' verifika jindirizzaw il-prestazzjoni ambjentali attwali tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-aspetti diretti u indiretti.

Il-mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri ma jistgħux ikunu objettivi ambjentali.

A.7  Appoġġ

A.7.1  Riżorsi

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u tipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni, iż-żamma u t-titjib kontinwu tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

 

A.7.2  Kompetenza

L-organizzazzjoni għandha:

(a)  tistabbilixxi l-kompetenza neċessarja tal-persuni li jkunu qegħdin iwettqu xogħol taħt il-kontroll tagħha li jaffettwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha u l-ħila tagħha li tissodisfa l-obbligi ta' konformità tagħha;

(b)  tassigura li dawn il-persuni jkunu kompetenti abbażi ta' edukazzjoni, taħriġ jew esperjenza xierqa;

(c)  tistabbilixxi l-ħtiġijiet ta' taħriġ assoċjati mal-aspetti ambjentali u mas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha;

(d)  fejn ikun applikabbli, tieħu azzjonijiet biex tikseb il-kompetenza neċessarja, u tevalwa l-effettività tal-azzjonijiet meħuda.

Nota:  L-azzjonijiet applikabbli jistgħu jinkludu, pereżempju, l-għoti ta' taħriġ lil, il-mentoraġġ ta', jew ir-riassenjazzjoni tal-persuni attwalment impjegati; jew ir-reklutaġġ jew il-kuntrattar ta' persuni kompetenti.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata xierqa bħala evidenza tal-kompetenza.

B.6.  Involviment tal-impjegati

(1)  L-organizzazzjoni għandha tirrikonoxxi li l-involviment attiv tal-impjegati huwa prerekwiżit u jixpruna t-titjib ambjentali kontinwu u ta' suċċess minbarra li huwa riżorsa ewlenija għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali kif ukoll il-metodu xieraq li bih is-sistema ta' ġestjoni u verifika ambjentali tiġi stabbilita b'suċċess fl-organizzazzjoni.

(2)  L-“involviment tal-impjegati” għandu jinftiehem bħala li jinkludi kemm il-parteċipazzjoni diretta tal-impjegati kif ukoll l-għoti ta' informazzjoni lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom. Għalhekk, għandu jkun hemm skema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fil-livelli kollha. L-organizzazzjoni għandha tirrikonoxxi li t-turija ta' impenn, sensibilità u appoġġ attiv mill-maniġment hija prerekwiżit għas-suċċess ta' dawk il-proċessi. F'dan il-kuntest, il-maniġment għandu jipprovdi feedback xieraq lill-impjegati.

(3)  Minbarra dawn ir-rekwiżiti, l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom ikunu involuti fil-proċess immirat sabiex itejjeb kontinwament il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni permezz ta':

(a)  l-analiżi ambjentali inizjali

(b)  l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni u verifika ambjentali li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali,

(c)  kumitati jew gruppi ta' ħidma ambjentali li jiġbru l-informazzjoni u jassiguraw il-parteċipazzjoni tal-uffiċjal għall-ambjent/rappreżentanti tal-maniġment flimkien mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom,

(d)  gruppi ta' ħidma konġunti għall-programm ta' azzjoni ambjentali u l-verifika ambjentali,

(e)  il-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ambjentali.

(4)  Għal dan il-għan għandhom jintużaw forom xierqa ta' parteċipazzjoni bħalma hi s-sistema tal-ktieb tas-suġġerimenti jew ħidma fi gruppi bbażata fuq proġett jew il-kumitati ambjentali. L-organizzazzjonijiet għandhom jieħdu nota tal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-aqwa prassi f'dan il-qasam. Meta jitolbu dan, għandu jiġi involut ukoll kwalunkwe rappreżentant tal-impjegati.

A.7.3  Għarfien

L-organizzazzjoni għandha tassigura li l-persuni li jkunu qegħdin jaħdmu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni jkunu konxji ta':

(a)  il-politika ambjentali;

(b)  l-aspetti ambjentali sinifikanti u l-impatti ambjentali reali jew potenzjali relatati assoċjati mal-ħidma tagħhom;

(c)  il-kontribut tagħhom għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi l-benefiċċji ta' titjib fil-prestazzjoni ambjentali;

(d)  l-implikazzjonijiet tan-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inkluż li ma jiġux issodisfati l-obbligi ta' konformità tal-organizzazzjoni.

 

A.7.4  Komunikazzjoni

A.7.4.1  Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa għall-komunikazzjonijiet interni u esterni rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, fosthom:

(a)  dak li se tikkomunika;

(b)  meta għandha tikkomunika;

(c)  ma' min għandha tikkomunika;

(d)  kif għandha tikkomunika.

Meta tkun qiegħda tistabbilixxi l-proċess(i) ta' komunikazzjoni tagħha, l-organizzazzjoni għandha:

— tikkunsidra l-obbligi ta' konformità tagħha;

— tassigura li l-informazzjoni ambjentali kkomunikata tkun konsistenti mal-informazzjoni ġġenerata fi ħdan is-sistema ta' ġestjoni ambjentali, u tkun affidabbli.

L-organizzazzjoni għandha tirrispondi għall-komunikazzjonijiet rilevanti dwar is-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tal-komunikazzjonijiet tagħha, kif ikun xieraq.

A.7.4.2  Komunikazzjoni interna

L-organizzazzjoni għandha:

(a)  tikkomunika internament fost id-diversi livelli u funzjonijiet tal-organizzazzjoni informazzjoni rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi bidliet fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali, kif ikun xieraq;

(b)  tassigura li l-proċessi ta' komunikazzjoni tagħha jippermettu lill-persuni li jaħdmu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni li jikkontribwixxu għal titjib kontinwu.

 

A.7.4.3  Komunikazzjoni esterna

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika esternament informazzjoni rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, kif stabbilit mill-proċessi ta' komunikazzjoni tal-organizzazzjoni u kif meħtieġ mill-obbligi ta' konformità tagħha.

B.7.  Komunikazzjoni

(1)  L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru li jwettqu djalogu miftuħ mal-pubbliku, mal-awtoritajiet u ma' partijiet interessati oħra inklużi l-komunitajiet u l-konsumaturi lokali rigward l-impatt ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom.

(2)  Sabiex jassiguraw livell għoli ta' trasparenza u biex jibnu l-kunfidenza mal-partijiet interessati, l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS għandhom jiddivulgaw informazzjoni ambjentali speċifika kif definit mill-Anness IV Rappurtar Ambjentali.

A.7.5  Informazzjoni dokumentata

A.7.5.1  Ġenerali

Is-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni għandha tinkludi:

(a)  l-informazzjoni dokumentata mitluba minn dan l-Istandard Internazzjonali;

(b)  l-informazzjoni dokumentata stabbilita mill-organizzazzjoni bħala neċessarja għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Nota:  Il-firxa tal-informazzjoni dokumentata għal sistema ta' ġestjoni ambjentali tista' tvarja minn organizzazzjoni għall-oħra minħabba:

— id-daqs tal-organizzazzjoni u t-tip ta' attivitajiet, proċessi, prodotti u servizzi tagħha;

— il-ħtieġa li jintwera l-issodisfar tal-obbligi ta' konformità tagħha;

— il-kumplessità tal-proċessi u l-interazzjonijiet tagħhom;

— il-kompetenza tal-persuni li jaħdmu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni.

A.7.5.2  Tfassil u aġġornament

Meta tfassal u taġġorna informazzjoni dokumentata, l-organizzazzjoni għandha tassigura:

(a)  identifikazzjoni u deskrizzjoni xierqa (eż. titlu, data, awtur, jew numru ta' referenza);

(b)  format (eż. lingwa, verżjoni tas-softwer, grafika) u mezzi (eż. karta, elettronika) xierqa;

(c)  eżami u approvazzjoni xierqa għall-idoneità u l-adegwatezza.

A.7.5.3  Kontroll tal-informazzjoni dokumentata

L-informazzjoni dokumentata mitluba mis-sistema ta' ġestjoni ambjentali u minn dan l-Istandard Internazzjonali għandha tiġi kkontrollata sabiex ikun assigurat li:

(a)  tkun disponibbli u adatta għall-użu, fejn u meta tkun meħtieġa;

(b)  tkun protetta adegwatament (eż. kontra t-telf tal-kunfidenzjalità, l-użu mhux xieraq, jew it-telf tal-integrità).

Għall-kontroll tal-informazzjoni dokumentata, l-organizzazzjoni għandha tindirizza l-attivitajiet li ġejjin kif applikabbli:

— id-distribuzzjoni, l-aċċess, l-irkupru u l-użu;

— il-ħażna u l-preservazzjoni, inkluża l-preservazzjoni tal-leġġibbiltà;

— il-kontroll tal-bidliet (eż. il-kontroll tal-verżjoni);

— iż-żamma u r-rimi.

L-informazzjoni dokumentata ta' oriġni esterna meqjusa bħala meħtieġa mill-organizzazzjoni għall-ippjanar u t-tħaddim tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali għandha tiġi identifikata, kif xieraq, u kkontrollata.

Nota  L-aċċess jista' jimplika deċiżjoni rigward il-permess biex wieħed jara l-informazzjoni dokumentata biss, jew il-permess u l-awtorità biex wieħed jara u jbiddel l-informazzjoni dokumentata.

A.8  Operat

A.8.1  Ippjanar u kontroll operattiv

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta, tikkontrolla u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, u biex timplimenta l-azzjonijiet identifikati fil-punti 6.1 u 6.2, billi:

— tistabbilixxi kriterji tal-operat għall-proċess(i);

— timplimenta kontroll tal-proċess(i), skont il-kriterji tal-operat.

Nota:  Il-kontrolli jistgħu jinkludu kontrolli u proċeduri tal-inġinerija. Il-kontrolli jistgħu jiġu implimentati skont ġerarkija (eż. eliminazzjoni, sostituzzjoni, amministrattivi) u jistgħu jintużaw individwalment jew f'kombinazzjoni.

L-organizzazzjoni għandha tikkontrolla l-bidliet ippjanati u tanalizza l-konsegwenzi ta' bidliet mhux intenzjonati, filwaqt li tieħu azzjoni sabiex ittaffi kwalunkwe effett negattiv, kif ikun meħtieġ.

L-organizzazzjoni għandha tassigura li proċess(i) esternalizzat(i) jiġi/jiġu kkontrollat(i) jew influwenzat(i). It-tip u l-firxa tal-kontroll jew tal-influwenza li għandhom jiġu applikati għall-proċess(i) għandhom jiġu definiti fi ħdan is-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

B'mod konsistenti ma' perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, l-organizzazzjoni għandha:

(a)  tistabbilixxi kontrolli, kif ikun xieraq, sabiex tassigura li r-rekwiżit(i) ambjentali tagħha jiġu indirizzati fil-proċess tat-tfassil u l-iżvilupp għall-prodott jew servizz, billi jitqies kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

(b)  tistabbilixxi r-rekwiżit(i) ambjentali tagħha għall-akkwist ta' prodotti u servizzi, kif ikun xieraq;

(c)  tikkomunika r-rekwiżit(i) ambjentali rilevanti tagħha lill-fornituri esterni, inklużi l-kuntratturi;

(d)  tikkunsidra l-ħtieġa li tipprovdi informazzjoni dwar impatti ambjentali sinifikanti potenzjali

assoċjati mat-trasport jew il-kunsinna, l-użu, it-trattament fi tmiem il-ħajja u r-rimi finali tal-prodotti u s-servizzi tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata sa fejn ikun meħtieġ sabiex ikollha l-kunfidenza li l-proċess(i) twettqu kif ippjanat.

A.8.2  Stat ta' tħejjija u rispons għal emerġenzi

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tipprepara għal u tirrispondi għas-sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza identifikati fil-punt 6.1.1.

L-organizzazzjoni għandha:

(a)  tipprepara biex tirrispondi billi tippjana azzjonijiet biex tipprevjeni jew ittaffi l-impatti ambjentali ħżiena minn sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

(b)  tirrispondi għal sitwazzjonijiet reali ta' emerġenza;

(c)  tieħu azzjoni biex tipprevjeni jew ittaffi l-konsegwenzi ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza, xierqa għad-daqs tal-emerġenza u l-impatt ambjentali potenzjali;

(d)  tittestja perjodikament l-azzjonijiet ta' rispons ippjanati, fejn ikun prattikabbli;

(e)  teżamina u tirrevedi perjodikament il-proċessi u l-azzjonijiet ta' rispons ippjanati, b'mod partikolari wara li jseħħu sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew testijiet;

(f)  tipprovdi informazzjoni u taħriġ rilevanti relatati mal-istat ta' tħejjija u r-rispons għal emerġenzi, kif ikun xieraq, lil partijiet interessati rilevanti, inklużi persuni li jaħdmu taħt il-kontroll tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata sal-punt meħtieġ sabiex ikollha l-kunfidenza li l-proċess(i) ikunu qegħdin jitwettqu kif ippjanat.

A.9  Evalwazzjoni tal-prestazzjoni

A.9.1  Monitoraġġ, kejl, analiżi u evalwazzjoni

A.9.1.1  Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha timmonitorja, tkejjel, tanalizza u tevalwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)  liema ħtiġijiet iridu jiġu mmonitorjati u mkejla;

(b)  il-metodi għall-monitoraġġ, il-kejl, l-analiżi u l-evalwazzjoni, kif applikabbli, biex tassigura riżultati validi;

(c)  il-kriterji li magħhom l-organizzazzjoni se tevalwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha, u indikaturi xierqa;

(d)  meta għandu jitwettaq il-monitoraġġ u l-kejl;

(e)  meta għandhom jiġu analizzati u evalwati r-riżultati mill-monitoraġġ u l-kejl.

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li jintuża u jinżamm tagħmir għall-monitoraġġ u l-kejl li jkun kalibrat jew verifikat, kif ikun xieraq.

L-organizzazzjoni għandha tevalwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni ambjentali kemm internament kif ukoll esternament, kif identifikat fil-proċess(i) ta' komunikazzjoni tagħha u kif meħtieġ mill-obbligi ta' konformità tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata xierqa bħala evidenza tar-riżultati tal-monitoraġġ, il-kejl, l-analiżi u l-evalwazzjoni.

A.9.1.2  Evalwazzjoni tal-konformità

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tevalwa t-twettiq tal-obbligi ta' konformità tagħha.

L-organizzazzjoni għandha:

(a)  tistabbilixxi l-frekwenza li biha se tiġi evalwata l-konformità;

(b)  tevalwa l-konformità u tieħu azzjoni jekk ikun meħtieġ;

(c)  iżżomm għarfien u fehim tal-istat ta' konformità tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tar-riżultat(i) tal-evalwazzjoni tal-konformità.

A.9.2  Verifika interna

A.9.2.1  Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifiki interni f'intervalli ppjanati sabiex tipprovdi informazzjoni dwar jekk is-sistema ta' ġestjoni ambjentali:

(a)  tikkonformax ma':

(1)  ir-rekwiżiti proprji tal-organizzazzjoni għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha;

(2)  ir-rekwiżiti ta' dan l-Istandard Internazzjonali;

(b)  tkunx implimentata u miżmuma b'mod effettiv.

A.9.2.2  Programm ta' verifika interna

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm programmi ta' verifika interna, li jinkludu l-frekwenza, il-metodi, ir-responsabbiltajiet, ir-rekwiżiti ta' ppjanar u r-rappurtar tal-verifiki interni tagħha.

Fl-istabbiliment tal-programm ta' verifika interna, l-organizzazzjoni għandha tqis l-importanza ambjentali tal-proċessi kkonċernati, il-bidliet li jaffettwaw lill-organizzazzjoni u r-riżultati ta' verifiki preċedenti.

L-organizzazzjoni għandha:

(a)  tiddefinixxi l-kriterji tal-verifika u l-kamp ta' applikazzjoni għal kull verifika;

(b)  tagħżel l-awdituri u twettaq verifiki sabiex tassigura l-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċess ta' verifika;

(c)  tassigura li r-riżultati tal-verifiki jiġu rrappurtati lill-maniġment rilevanti.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tal-implimentazzjoni tal-programm ta' verifika u tar-riżultati tal-verifiki.

A.9.3  Reviżjoni tal-ġestjoni

Il-maniġment superjuri għandu jeżamina s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, f'intervalli ppjanati, sabiex jassigura l-idoneità, l-adegwatezza u l-effettività kontinwa tagħha.

Ir-reviżjoni tal-ġestjoni għandha tinkludi kunsiderazzjoni ta':

(a)  l-istatus ta' azzjonijiet minn eżamijiet preċedenti mill-maniġment;

(b)  bidliet fi:

(1)  il-kwistjonijiet esterni u interni li jkunu rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(2)  il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet interessati, inklużi l-obbligi ta' konformità;

(3)  l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

(4)  ir-riskji u l-opportunitajiet;

(c)  sa fejn intlaħqu l-objettivi ambjentali;

(d)  l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, inklużi x-xejriet fi:

(1)  in-nuqqasijiet ta' konformità u l-azzjonijiet korrettivi;

(2)  ir-riżultati tal-monitoraġġ u tal-kejl;

(3)  l-issodisfar tal-obbligi ta' konformità tagħha;

(4)  ir-riżultati tal-verifiki;

(e)  l-adegwatezza tar-riżorsi;

(f)  il-komunikazzjoni(jiet) rilevanti mill-partijiet interessati, inklużi l-ilmenti;

(g)  l-opportunitajiet għal titjib kontinwu.

Ir-riżultati tal-eżami mill-maniġment għandhom jinkludu:

— konklużjonijiet dwar l-idoneità, l-adegwatezza u l-effettività kontinwa tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

— deċiżjonijiet relatati mal-opportunitajiet għal titjib kontinwu;

— deċiżjonijiet relatati ma' kwalunkwe ħtieġa ta' tibdil fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi r-riżorsi;

— l-azzjonijiet, jekk ikun meħtieġa, meta l-objettivi ambjentali ma jkunux intlaħqu;

— l-opportunitajiet sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali ma' proċessi oħra tan-negozju, jekk ikun meħtieġ;

— kwalunkwe implikazzjoni għad-direzzjoni strateġika tal-organizzazzjoni.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tar-riżultati tal-eżamijiet mill-maniġment.

A.10  Titjib

A.10.1  Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-opportunitajiet għal titjib (ara l-punti 9.1, 9.2 u 9.3) u timplimenta l-azzjonijiet neċessarji biex tikseb ir-riżultati mistennija tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

A.10.2  Nuqqas ta' konformità u azzjoni korrettiva

Meta jseħħ nuqqas ta' konformità, l-organizzazzjoni għandha:

(a)  tirreaġixxi għan-nuqqas ta' konformità u, kif ikun applikabbli:

(1)  tieħu azzjoni sabiex tikkontrollah u tikkoreġih;

(2)  tindirizza l-konsegwenzi, inkluż billi ttaffi l-impatti ambjentali ħżiena;

(b)  tevalwa l-ħtieġa ta' azzjoni sabiex telimina l-kawżi tan-nuqqas ta' konformità, sabiex dan ma jerġax iseħħ jew iseħħ post ieħor, billi:

(1)  tirrevedi n-nuqqas ta' konformità;

(2)  tistabbilixxi l-kawżi tan-nuqqas ta' konformità;

(3)  tistabbilixxi jekk jeżistux, jew jistgħux potenzjalment iseħħu, nuqqasijiet ta' konformità simili;

(c)  timplimenta kwalunkwe azzjoni meħtieġa;

(d)  tirrevedi l-effettività ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva li tittieħed;

(e)  jekk ikun meħtieġ, tagħmel bidliet fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

L-azzjonijiet korrettivi għandhom ikunu xierqa għas-sinifikat tal-effetti tan-nuqqasijiet ta' konformità li jkun hemm, inkluż l-impatt(i) ambjentali.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza ta':

— in-natura tan-nuqqasijiet ta' konformità u kwalunkwe azzjoni suċċessiva li tittieħed;

— ir-riżultati ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva.

A.10.3  Titjib kontinwu

L-organizzazzjoni għandha ttejjeb kontinwament l-idoneità, l-adegwatezza u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali sabiex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali.

 

(1)   

L-użu tat-test tal-istandard nazzjonali riprodott f'dan l-Anness qed isir bil-permess tas-CEN. It-test sħiħ tal-istandard nazzjonali jista' jinxtara mill-Korpi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit web tas-CEN. L-ebda tip ta' riproduzzjoni ta' dan l-Anness għal raġunijiet kummerċjali ma hija permessa.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.07.2023 00:00:00 -Doknr: CELEX:32009R1221
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.