+ANNESS III

ANNESS III

ANNESS III

VERIFIKA AMBJENTALI INTERNA

1.    Il-programm ta' verifika u l-frekwenza tal-verifiki

1.1.    Programm ta' verifika

Il-programm ta' verifika għandu jiggarantixxi li l-maniġment tal-organizzazzjoni jingħata l-informazzjoni li jeħtieġ sabiex janalizza l-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, u li jkun jista' juri li dawn jinsabu taħt kontroll.

1.2.    Objettivi tal-programm ta' verifika

L-objettivi għandhom jinkludu, b'mod partikolari, il-valutazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni li jkun hemm fis-seħħ u l-istabbiliment tal-konformità mal-politika u l-programm tal-organizzazzjoni, li għandhom jinkludu l-konformità mar-rekwiżiti legali u rekwiżiti oħra relatati mal-ambjent.

1.3.    Kamp ta' applikazzjoni tal-programm ta' verifika

Il-kamp ta' applikazzjoni ġenerali tal-verifiki individwali, jew ta' kull stadju ta' ċiklu ta' verifika fejn ikun xieraq, għandu jiġi definit b'mod ċar u għandu jispeċifika b'mod espliċitu:

(1) 

l-oqsma tas-suġġetti koperti;

(2) 

l-attivitajiet li għandhom jiġu vverifikati;

(3) 

il-kriterji ambjentali li għandhom jitqiesu;

(4) 

il-perjodu kopert mill-verifika.

Il-verifika ambjentali tinkludi valutazzjoni tad-dejta fattwali meħtieġa sabiex tigi evalwata l-prestazzjoni ambjentali.

1.4.    Frekwenza tal-verifiki

Il-verifika jew iċ-ċiklu ta' verifika li jkopri l-attivitajiet kollha tal-organizzazzjoni għandhom jitlestew, kif ikun xieraq, f'intervalli ta' mhux aktar minn tliet snin jew ta' erba' snin jekk tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 7. Il-frekwenza li biha tiġi vverifikata kwalunkwe attività se tvarja skont:

(1) 

in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet;

(2) 

is-sinifikat tal-impatti ambjentali assoċjati;

(3) 

l-importanza u l-urġenza tal-problemi misjuba minn verifiki preċedenti;

(4) 

il-problemi ambjentali tal-imgħoddi.

Attivitajiet aktar kumplessi b'impatt ambjentali aktar sinifikanti għandhom jiġu vverifikati aktar ta' spiss.

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifiki tal-anqas fuq bażi annwali, peress li dan se jgħin biex juri lill-maniġment tal-organizzazzjoni u lill-verifikatur ambjentali li hija għandha l-kontroll fuq l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha.

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifiki dwar:

(1) 

il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni; u

(2) 

il-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti legali applikabbli u rekwiżiti oħra relatati mal-ambjent.

2.    Attivitajiet ta' verifika

L-attivitajiet ta' verifika għandhom jinkludu diskussjonijiet mal-persunal dwar il-prestazzjoni ambjentali, spezzjoni tal-kundizzjonijiet ta' ħidma u t-tagħmir u eżami tar-rekords, il-proċeduri bil-miktub u dokumentazzjoni rilevanti oħra. Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu bil-għan li tiġi evalwata l-prestazzjoni ambjentali tal-attività li tkun qed tiġi verifikata sabiex jiġi determinat jekk tissodisfax l-istandards, ir-regolamenti jew l-objettivi u l-miri ambjentali applikabbli. Hija għandha tistabbilixxi wkoll jekk is-sistema li tkun fis-seħħ għall-ġestjoni tar-responsabbiltajiet u l-prestazzjoni ambjentali tkunx effettiva u xierqa u għalhekk, fost l-oħrajn, se tinkludi kontrolli fuq il-post tal-konformità ma' dawn il-kriterji biex tiddetermina l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni sħiħa.

Il-passi li ġejjin għandhom, b'mod partikolari, jiġu inklużi fil-proċess tal-verifika:

(1) 

il-komprensjoni tas-sistemi ta' ġestjoni;

(2) 

il-valutazzjoni tal-punti qawwija u dawk dgħajfa tas-sistemi ta' ġestjoni;

(3) 

il-ġbir tal-evidenza sabiex jintwera fejn is-sistema ta' ġestjoni tkun jew ma tkunx qiegħda tagħti r-riżultati;

(4) 

il-valutazzjoni tas-sejbiet tal-verifika;

(5) 

it-tħejjija tal-konklużjonijiet tal-verifika;

(6) 

ir-rappurtar tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika.

3.    Rappurtar tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika

L-għanijiet fundamentali ta' rapport bil-miktub tal-verifika huma:

(1) 

li jiddokumenta l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika;

(2) 

li jinforma lill-maniġment dwar l-istat ta' konformità mal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni u dwar il-progress ambjentali tal-organizzazzjoni

(3) 

li jinforma lill-maniġment dwar l-istat ta' konformità mar-rekwiżiti legali u ma' rekwiżiti oħra relatati mal-ambjent u dwar il-miżuri meħuda sabiex ikun assigurat li tkun tista' tintwera l-konformità;

(4) 

li jinforma lill-maniġment dwar l-effettività u l-affidabbiltà tal-miżuri meħuda sabiex jiġu mmonitorjati u mnaqqsa l-impatti ambjentali tal-organizzazzjoni;

(5) 

li juri l-ħtieġa ta' azzjonijiet korrettivi, meta jkun xieraq.

Ir-rapport bil-miktub tal-verifika għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex jikkonforma ma' dawn l-għanijiet.

▼M3

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.07.2023 00:00:00 -Doknr: CELEX:32009R1221
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.