+Artikolu 383a 1.

Artikolu 383a 1.

Mudell regolatorju ta' CVA użat għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA f'konformità mal-Artikolu 383 għandu jkun validu kunċettwalment, jiġi implimentat b'integrità, u jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) 

il-mudell regolatorju ta' CVA huwa kapaċi jimmudella s-CVA ta' kontroparti partikolari, filwaqt li jirrikonoxxi ftehimiet ta' netting u dwar il-marġni fil-livell tas-sett ta' netting, fejn rilevanti, f'konformità ma' dan l-Artikolu;

(b) 

l-istituzzjoni tistma l-probabbiltajiet ta' inadempjenza tal-kontroparti mill-firxiet ta' kreditu tal-kontroparti u mit-telf fil-każ ta' inadempjenza skont il-kunsens tas-suq mistenni għal dik il-kontroparti;

(c) 

it-telf mistenni f'inadempjenza msemmi fil-punt (a) għandu jkun l-istess bħat-telf fil-każ ta' inadempjenza skont il-kunsens tas-suq mistenni msemmi fil-punt (b), sakemm l-istituzzjoni ma tkunx tista' turi li l-prijorità tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' dik il-kontroparti tkun differenti mill-prijorità ta' bonds superjuri mhux iggarantiti maħruġin minn dik il-kontroparti;

(d) 

f'kull mument fil-futur, l-iskopertura futura skontata simulata tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' kontroparti tiġi kkalkulata b'mudell ta' skopertura billi jiġu pprezzati mill-ġdid it-tranżazzjonijiet kollha f'dak il-portafoll, fuq il-bażi tal-bidliet konġunti ssimulati tal-fatturi tar-riskju tas-suq li huma materjali għal dawk it-tranżazzjonijiet bl-użu ta' numru xieraq ta' xenarji, u l-iskontar tal-prezzijiet sad-data tal-kalkolu bl-użu ta' rati tal-imgħax mingħajr riskju;

(e) 

il-mudell regolatorju ta' CVA ikun kapaċi jimmudella dipendenza sinifikanti bejn l-iskopertura futura skontata simulata tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet u l-firxiet ta' kreditu tal-kontroparti;

(f) 

meta t-tranżazzjonijiet tal-portafoll jiġu inklużi f'sett ta' netting soġġett għal ftehim dwar il-marġni u għal valwazzjoni ta' kuljum skont il-valur fis-suq, il-kollateral depożitat u riċevut bħala parti minn dak il-ftehim jiġi rrikonoxxut bħala mitigant tar-riskju fl-iskpertura futura skontata simulata, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i) 

l-istituzzjoni tiddetermina l-perjodu ta' riskju tal-marġni għal dak is-sett ta' netting f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 285(2) u (5), u tirrifletti dak il-perjodu ta' marġni fil-kalkolu tal-iskopertura futura skontata simulata;

(ii) 

il-karatteristiċi applikabbli kollha tal-ftehim dwar il-marġni, inkluż il-frekwenza tas-sejħiet ta' marġni, it-tip ta' kollateral eliġibbli kuntrattwalment, l-ammonti ta' limitu, l-ammonti minimi ta' trasferiment, l-ammonti indipendenti u l-marġni inizjali kemm għall-istituzzjoni kif ukoll għall-kontroparti jkunu riflessi kif xieraq fil-kalkolu tal-skopertura futura skontata simulata;

(iii) 

l-istituzzjoni tkun stabbiliet unità ta' ġestjoni tal-kollateral li tikkonforma mal-Artikolu 287 għall-kollateral kollu rrikonoxxut għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA bl-użu tal-approċċ standardizzat.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), CVA għandu jkollu sinjal pożittiv u għandu jiġi kkalkulat bħala funzjoni tat-telf fil-każ ta' inadempjenza mistenni tal-kontroparti, sett xieraq tal-probabbiltajiet ta' inadempjenza tal-kontroparti f'punti ta' żmien futuri u sett xieraq ta' skoperturi futuri skontati simulati tal-portafoll ta' tranżazzjonijiet ma' dik il-kontroparti f'punti ta' żmien futuri sal-maturità tal-itwal tranżazzjoni f'dak il-portafoll.

Għall-finijiet tad-dimostrazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-kollateral riċevut mill-kontroparti ma għandux jibdel il-prijorità tal-iskopertura.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (f)(iii), ta’ dan il-paragrafu meta l-istituzzjoni tkun diġà stabbiliet unità ta' ġestjoni tal-kollateral għall-użu tal-metodu tal-mudell intern imsemmi fl-Artikolu 283, l-istituzzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa tistabbilixxi unità ta' ġestjoni tal-kollateral addizzjonali meta dik l-istituzzjoni turi lill-awtorità kompetenti tagħha li tali unità tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 287 għall-kollateral rikonoxxut għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' CVA bl-użu tal-approċċ standardizzat.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit