Artikolu 19
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għaljin mill-fornituri ta’ servizz postali kollha biex jiġu ttrattati lmenti ta’ utenti tal-posta, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew non-konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità tas-servizz (inklużi proċeduri biex jiġi determinat min hu responsabbli f’każijiet fejn ikunu involuti aktar minn operatur wieħed), mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet internazzjonali u nazzjonali rilevanti dwar l-iskemi ta’ kumpens.
L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-proċeduri msemmijin fl-ewwel subparagrafu jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b’mod ġust u malajr, bil-forniment ta’ sistema ta’ rimborż u/jew kumpens, meta dan ikun iġġustifikat.
L-Istati Membri għandhom ukoll jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ skemi indipendenti ta’ barra mill-qorti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-fornituri ta’ servizz postali u l-utenti.
2. Mingħajr preġudizzju għal possibilitajiet oħrajn ta’ appell jew ta’ mezzi għal rikors skond il-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti, filwaqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mil-leġislazzjoni nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’ l-utenti u/jew tal-konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l-ilmenti ta’ l-utenti lill-impriżi li jipprovdu servizzi postali fl-ambitu tas-servizz universali ma jkunux ġew solvuti b’mod sodisfaċenti.
Bi qbil ma’ l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi universali u, fejn ikun il-każ, l-impriżi li jipprovdu servizzi fl-ambitu tas-servizz universali, jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta’ lmenti u l-mod li bih ikunu ġew ittrattati.
▼B