+Titolu III- Dettalji u ċirkostanzi rigward miżuri speċifiċi
---+7. Fir-rigward tar-rekwiżit li jiġu riveduti kwalunkwe ftehimiet ta’ finanzjament intragrupp jew li …
---+8. Fir-rigward tar-rekwiżit biex jiġu llimitati l-iskoperturi massimi individwali u aggregati skont …
---+9. Fir-rigward tal-miżura tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi jew regolari ta’ informazzjoni …
---+10. Fir-rigward tar-rekwiżit li jinbiegħu assi speċifiċi skont il-punt (d) tal-Artikolu 17(5) …
---+11. Fir-rigward tar-rekwiżit għal-limitu jew il-waqfien ta’ attivitajiet eżistenti jew proposti …
---+12. Fir-rigward ta’ miżuri li jirrestrinġu jew jimpedixxu l-iżvilupp jew il-bejgħ ta’ linji ġodda …
---+13. Fir-rigward tar-rekwiżit tal-bidla fl-istruttura legali jew operazzjonali ta’ istituzzjoni …
---+14. Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ impriża prinċipali biex twaqqaf kumpanija holding finanzjarja …
---+15. Fir-rigward tal-ħtieġa għal impriża prinċipali, jew kumpanija msemmija fl-Artikolu 1(c) u (d) …
---+16. Fir-rigward tal-ħtieġa biex jittieħdu passi oħrajn biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal …
---+17. Fir-rigward tal-ħtieġa li, meta istituzzjoni tkun is-sussidjarja ta’ kumpanija holding ta’ …

Titolu III- Dettalji u ċirkostanzi rigward miżuri speċifiċi

Titolu III- Dettalji u ċirkostanzi rigward miżuri speċifiċi

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
7. Fir-rigward tar-rekwiżit li jiġu riveduti kwalunkwe ftehimiet ta’ finanzjament intragrupp jew li …

Fir-rigward tar-rekwiżit li jiġu riveduti kwalunkwe ftehimiet ta’ finanzjament intragrupp jew li tiġi riveduta l-assenza tagħhom, u sabiex jiġu mfassla ftehimiet ta’ servizz (kemm jekk intragrupp kif ukoll ma’ partijiet terzi) biex ikopru l-provvista ta’ funzjonijiet jew servizzi kritiċi skont il-punt (a) tal-Artikolu 175(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjoni tirrevedi ftehimiet ta’ finanzjament tal-grupp eżistenti jew tirrevedi l-assenza tagħhom jekk dawn jikkonkludu fil-valutazzjoni tagħhom il-ftehimiet tal-finanzjament tal-grupp eżistenti li l-għoti ta’ appoġġ jew il-forma tiegħu (jew in-nuqqas ta’ dan it-tip ta’ ftehim) jagħmluha sostantivament aktar diffiċli għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jilħqu l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni billi japplikaw għodod ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari dawn għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni kkunsidrata u jikkunsidraw l-allokazzjoni tal-obbligazzjonijiet mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni fil-grupp u d-distribuzzjoni tat-telf fi ħdan il-grupp ikkunsidrati fl-istrateġija ta’ riżoluzzjoni rilevanti.
  • (b) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjoni tfassal ftehimiet bil-miktub fil-livell ta’ servizz jew arranġamenti transizzjonali ta’ appoġġ u miżuri xierqa oħra biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet jew servizzi pprovduti minn entitajiet legali fi ħdan il-grupp, inklużi affiljati mhux irregolati, u minn partijiet terzi. Din il-miżura tista’ tiġi applikata f’każijiet fejn
  • - ma jeżistux ftehimiet ta’ servizz bil-miktub,
  • - il-livell ta’ dokumentazzjoni tal-ftehimiet ta’ servizz huwa insuffiċjenti jew
  • - ma jkunx żgurat li dawn ma jistgħux jiġu tterminati mill-kontroparti minħabba azzjoni ta’ riżoluzzjoni li tittieħed mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.
  • (c) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li japplikaw din il-miżura biex jippermettu lill-entitajiet legali materjali jkunu operattivament indipendenti fejn ikun meħtieġ biex jappoġġjaw strateġija ta’ riżoluzzjoni li tipprevedi tkissir jew ristrutturar tal-grupp jew l-istituzzjoni, inkluż l-użu ta’ għodda ta’ trasferiment (parzjali).
  • (d) Jekk japplikaw din il-miżura, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li dawn il-ftehimiet ta’ finanzjament intragrupp u l-ftehimiet ta’ servizz ikunu aċċessibbli u infurzabbli fi żmien qasir. Jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni rilevanti tipprevedi l-użu ta’ għodda ta’ trasferiment parzjali, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu li l-ftehimiet ikunu trasferibbli għal entitajiet li jirriżultaw minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew li jirrikonoxxu l-effetti legali ta’ trasferimenti statutorji.
8. Fir-rigward tar-rekwiżit biex jiġu llimitati l-iskoperturi massimi individwali u aggregati skont …

Fir-rigward tar-rekwiżit biex jiġu llimitati l-iskoperturi massimi individwali u aggregati skont il-punt (b) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) Fejn meħtieġ biex jappoġġjaw strateġija ta’ riżoluzzjoni li tinvolvi separazzjoni ta’ entitajiet legali fi ħdan il-grupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjoni żżid il-limiti fuq l-iskoperturi intragrupp li jkun fihom interkonnettività finanzjarja interna bejn l-entitajiet tal-grupp (jew subgruppi) li għandhom jiġu solvuti separatament skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, jekk din l-iskopertura intragrupp tfixkel ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni. L-istess jista’ japplika fir-rigward ta’ entità delimitata, jekk skont ir-rekwiżiti leġiżlattivi jew id-deċiżjonijiet superviżorji tkun meħtieġa separazzjoni ta’ ċerti attivitajiet f’din it-tip ta’ entità, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-kredibbiità u l-fattibbiltà tal-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni lill-entità delimitata jew il-partijiet li jifdal fi ħdan il-grupp.
  • (b) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jillimitaw l-iskoperturi għal entitajiet b’għan speċjali konnessi mal-istituzzjoni permezz ta’ impenji sinifikanti mhux imfassla, garanziji materjali jew ittri ta’ konfort li mhumiex konsolidati fil-karta ta’ bilanċ tal-istituzzjoni u li mhumiex fl-ambitu tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni.
9. Fir-rigward tal-miżura tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi jew regolari ta’ informazzjoni …

Fir-rigward tal-miżura tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi jew regolari ta’ informazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni skont il-punt (c) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni jekk jivvalutaw li dawn ir-rekwiżiti jippermettulhom japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni previsti fl-istrateġija ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar effettiv, jew biex ifasslu pjan ta’ riżoluzzjoni effettiv.
  • (b) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jipproduċu l-informazzjoni użata biex jinfurmaw lill-maniġment dwar is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni (informazzjoni tal-maniġment), inklużi dikjarazzjonijiet finanzjarji u informazzjoni dwar kapital u dejn subordinat, disponibbli għal kull entità legali rilevanti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari jekk tkun maħsuba bħala punt ta’ dħul taħt approċċ MPE, u jkunu kapaċi jipproduċu informazzjoni speċifika ta’ entità legali għall-entitajiet kollha li l-falliment tagħhom x’aktarx li jaffettwa b’mod negattiv l-istabbiltà finanzjarja fi kwalunkwe ġurisdizzjoni fuq talba.
  • (c) Jekk istituzzjoni jkollha arranġamenti kkumplikati ta’ servizzi operattivi intragrupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu l-informazzjoni neċessarja biex jiċċaraw bis-sħiħ l-istruttura ta’ dawn l-arranġamenti.
  • (d) Jekk japplikaw din il-miżura, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ikunu fil-pożizzjoni li jipproduċu informazzjoni aġġornata meħtieġa fiż-żmien stipulat neċessarju skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, u s-sistemi ta’ informazzjoni tal-istituzzjoni għandhom jipprovdu d-dejta kollha meħtieġa biex jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, u biex jappoġġjaw valutazzjoni kredibbli qabel u matul ir-riżoluzzjoni inklużi dawk meħtieġa mill-Artikoli 36 u 74. L-istituzzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw id-disponibbiltà tal-informazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jidentifikaw:
  • - il-funzjonijiet kritiċi,
  • - il-kredituri jew tipi ta’ kredituri l-aktar probabbli li jassorbu t-telf matul ir-riżoluzzjoni,
  • - il-kredituri tal-obbligazzjonijiet ta’ rilevanza partikolari għall-funzjonijiet kritiċi jew l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni bħad-depożiti koperti u mhux koperti mill-SMEs u l-persuni fiżiċi (jiġifieri viżjoni ta’ klijent uniku), u
  • - pożizzjonijiet, servizzi u funzjonijiet essenzjali għall-ġestjoni tar-riskju tal-grupp li jkollhom jinżammu biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi.
10. Fir-rigward tar-rekwiżit li jinbiegħu assi speċifiċi skont il-punt (d) tal-Artikolu 17(5) …

Fir-rigward tar-rekwiżit li jinbiegħu assi speċifiċi skont il-punt (d) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet ibiegħu l-assi qabel ir-riżoluzzjoni jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni teħtieġ il-bejgħ ta’ dawn l-assi u jekk dan il-bejgħ fir-riżoluzzjoni jkollu effetti negattivi sinifikanti fuq l-użu jew l-implimentazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni jew jagħmilha aktar diffiċli b’mod sinifikanti. Jekk din il-miżura tiġi applikata, l-assi li għandhom jinbiegħu għandhom ikunu dawk, li l-bejgħ tagħhom fil-qafas ta’ żmien stipulat skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni x’aktarx jirriżulta fi pressjoni fuq il-prezzijiet għall-assi, il-qerda tal-valur u inċertezza u vulnerabbiltà addizzjonali tas-swieq finanzjarji u istituzzjonijiet oħra, jekk dawn l-effetti jistgħu jikkawżaw konsegwenzi negattivi sinifikanti għas-sistemi finanzjarji.
  • (b) Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li japplikaw din il-miżura jekk l-istruttura eżistenti tal-assi tal-istituzzjoni probabbilment ikollha effetti negattivi fuq il-fattibilità jew il-kredibbiltà tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni. Meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tiddependi fuq likwidazzjoni tal-assi biex tiġġenera likwidità għall-kontinwazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet ibiegħu l-assi, li x’aktarx ikunu likwidi taħt kundizzjonijiet ta’ stress jew fil-punt tar-riżoluzzjoni, biex jiżdied il-proporzjon tal-assi li huma mistennija li jkunu aktar likwidi minflok. Din il-miżura għandha tiġi kkunsidrata wkoll fir-rigward ta’ assi li jfixklu l-fattibbiltà tal-valutazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw ukoll ir-riskju li l-assi jew il-finanzjament jistgħu jiġu maqbuda f’pajjiżi terzi.
  • (c) Meta japplikaw din il-miżura, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw l-impatt taċ-ċessjoni fuq is-suq għall-assi kkonċernati, bħala riżultat ukoll ta’ ċessjonijiet meħtieġa minn istituzzjonijiet oħrajn.
11. Fir-rigward tar-rekwiżit għal-limitu jew il-waqfien ta’ attivitajiet eżistenti jew proposti …

Fir-rigward tar-rekwiżit għal-limitu jew il-waqfien ta’ attivitajiet eżistenti jew proposti speċifiċi skont il-punt (e) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjoni tillimita prattiki kumplessi relatati ma’ kif l-operazzjonijiet tan-negozju jew tal-iħħeġġjar huma kkummerċjalizzati, irreġistrati, iffinanzjati u ġestiti għar-riskju, u l-lokazzjoni tagħhom fi ħdan il-grupp, jekk dawn il-prattiki jfixklu l-fattibbiltà jew il-kredibbiltà tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni.
  • (b) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jillimitaw attivitajiet f’pajjiżi terzi li jkollhom reġim ta’ riżoluzzjoni insuffiċjenti jekk jiġi ġġudikat li n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ dawn il-ġurisdizzjonijiet biex tinżamm il-kontinwità tal-attivitajiet tad-ditta fil-ġuriżdizzjoni tagħhom matul riżoluzzjoni tista’ sussegwentament tfixkel il-kapaċità ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni biex iżżomm il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi fi Stat Membru.
  • (c) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw jekk għandhomx jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jillimitaw is-servizzi pprovduti lil istituzzjonijiet oħrajn jew parteċipanti oħrajn fis-swieq finanzjarji jekk, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tal-funzjonijiet tal-istituzzjoni, l-awtorità tivvaluta li s-servizzi ma setgħux jitkomplew fir-riżoluzzjoni u d-diskontinwità tagħhom tista’ thedded l-istabbiltà tar-riċevituri ta’ dawn is-servizzi.
  • (d) Meta, skont ir-rekwiżiti leġiżlattivi jew id-deċiżjonijiet superviżorji tkun meħtieġa separazzjoni ta’ attivitajiet speċifiċi f’entità speċjali, li tkun imwaqqfa milli twettaq ċerti attivitajiet oħrajn, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw il-prevenzjoni ta’ din l-entità milli twettaq ċerti attivitajiet addizzjonali jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni għal kull parti tal-grupp wara s-separazzjoni.
12. Fir-rigward ta’ miżuri li jirrestrinġu jew jimpedixxu l-iżvilupp jew il-bejgħ ta’ linji ġodda …

Fir-rigward ta’ miżuri li jirrestrinġu jew jimpedixxu l-iżvilupp jew il-bejgħ ta’ linji ġodda ta’ negozju jew prodotti skont il-punt (f) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li japplikaw restrizzjonijiet fuq prodotti li huma strutturati b’mod li jfixkel l-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni, jew bil-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħhom.
  • (b) L-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw li jirrestrinġu jew jostakolaw l-iżvilupp jew il-bejgħ ta’ prodotti rregolati mil-liġi f’pajjiż terz jew strumenti maħruġin minn entitajiet f’ġurisdizzjoni barranija, pereżempju fergħa f’pajjiż terz jew entità b’għan speċjali, jekk il-liġi tal-pajjiż terz ma tagħtix effett lill-użu ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni previsti mill-istrateġija ta’ riżoluzzjoni jew ma tagħmilhomx effettivament infurzabbli, jew jekk il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti x’aktarx ikollu effetti negattivi sinifikanti fuq l-użu jew l-implimentazzjoni ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni. Skont dawn il-kundizzjonijiet, l-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw ukoll li jirrestrinġu l-bejgħ lill-investituri f’ġurisdizzjonijiet barranin, meta ż-żamma ta’ prodotti minn dawn l-investituri tirriżulta potenzjalment f’azzjoni legali kontra l-awtorità ta’ riżoluzzjoni.
  • (c) L-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jirrestrinġu l-iżvilupp jew il-bejgħ ta’ prodotti jekk, bħala riżultat tal-kumplessità ta’ dawn il-prodotti, il-valutazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun danneġġata jew il-valutazzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE tkun imfixkla b’mod sinifikanti.
13. Fir-rigward tar-rekwiżit tal-bidla fl-istruttura legali jew operazzjonali ta’ istituzzjoni …

Fir-rigward tar-rekwiżit tal-bidla fl-istruttura legali jew operazzjonali ta’ istituzzjoni sabiex titnaqqas il-kumplessità sabiex jiġi żgurat li l-funzjonijiet kritiċi jistgħu jiġu legalment u ekonomikament mifruda minn funzjonijiet oħrajn permezz tal-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni skont il-punt (g) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-applikazzjoni ta’ din il-miżura għandha tiġi kkunsidrata jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta l-istruttura legali u operattiva tal-istituzzjoni jew tal-grupp bħala kumplessa wisq jew interkonnessa wisq biex tkun tista’ tinżamm il-kontinwità tal-aċċess għall-funzjonijiet kritiċi f’riżoluzzjoni, jew biex tkun maqsuma taħt strateġija ta’ riżoluzzjoni li timplika tkissir tal-grupp jew stralċ jew trasferiment ta’ ċerti assi u obbligazzjonijiet.
  • (b) Jekk ikun neċessarju għall-implimentazzjoni effettiva ta’ strateġija tal-MPE u biex jiġi żgurat li ċerti sub-gruppi jew entitajiet ikunu separabbli, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu gruppi biex jorganizzaw entitajiet legali skont blokok reġjonali jew linji tan-negozju ewlenin, b’mod partikolari jekk il-funzjonijiet kritiċi jkunu attribwibbli għal ċerti linji tan-negozju filwaqt li linji oħrajn tan-negozju ma jkoprux funzjonijiet kritiċi. Dan għandu japplika b’mod partikolari għall-iħħeġġjar ċentralizzat u l-ġestjoni tar-riskju, negozju u l-ġestjoni tal-likwidità, u ġestjoni kollaterali, ġestjoni tal-likwidità jew funzjonijiet ewlenin oħrajn tat-teżor u tal-finanzi, sakemm dawn il-funzjonijiet ikunu jistgħu jiġu sostitwiti minn tranżazzjonijiet tas-suq ma’ partijiet barranin. Skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jipprevjenu reġistrazzjoni estensiva bejn l-entitajiet u prattiki tal-iħħeġġjar, u jiżguraw li l-entitajiet li għandhom jiġu solvuti b’mod separat ikollhom biżżejjed reġistrazzjoni awtonoma u ġestjoni tar-riskji. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jimplimentaw arranġamenti awtonomi effettivi ta’ governanza, kontroll u ġestjoni f’kull subgrupp jew entità.
  • (c) Meta skont rekwiżiti leġiżlattivi jew deċiżjonijiet superviżorji tkun meħtieġa separazzjoni strutturali ta’ ċerti attivitajiet, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu separazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali jekk ikun neċessarju biex tiġi żgurata l-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni f’kull parti tal-grupp wara s-separazzjoni.
  • (d) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li s-sussidjarji li jkunu importanti għall-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi jkunu jinsabu fl-UE jew f’ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li ma jimponux impedimenti għar-riżoluzzjoni.
  • (e) Jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tipprovdi għal tkissir tal-istituzzjoni jew tal-grupp jew bidla fis-sjieda permezz ta’ bejgħ jew trasferiment, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjoni torganizza funzjonijiet kritiċi u aċċess għall-infrastruttura jew servizzi kondiviżi li huma neċessarji għall-kontinwazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi b’mod li jiffaċilita l-kontinwità tagħhom. Jekk ikun neċessarju biex l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ssir kredibbli u fattibbli, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jibdlu l-istruttura operattiva tagħhom biex inaqqsu jew jipprevjenu d-dipendenza ta’ entitajiet materjali jew linji tan-negozju ewlenin f’kull subgrupp dwar l-infrastruttura ewlenija, IT, persunal jew servizzi kritiċi kondiviżi oħrajn minn subgruppi differenti. Dan għandu jinkludi sistemi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni. Għandu jiġi żgurat li l-arranġamenti adegwati ta’ governanza u ta’ kontroll ikunu fis-seħħ u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa jkunu disponibbli sabiex il-fornituri tas-servizz interni u esterni jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi tagħhom.
  • (f) Fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi kritiċi kondiviżi wara riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet biex imexxu lil dawn is-servizzi f’sussidjarji operattivi separati. Jekk japplikaw din il-miżura, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lil dawn is-sussidjarji operattivi
  • - jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għall-provvista ta’ dawn is-servizzi u japplikaw restrizzjonijiet adegwati rigward ir-riskji u l-attivitajiet,
  • - jiġu kapitalizzati b’mod adegwat biex jissodisfaw l-ispejjeż operattivi tagħhom għal qafas ta’ żmien xieraq,
  • - jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għal esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet kkonċernati u
  • - jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt ftehimiet kuntrattwali intragrupp fil-livell ta’ servizz li huma robusti taħt riżoluzzjoni.

It-termini ta’ dawn il-ftehimiet, l-arranġamenti ta’ governanza ta’ dawn is-sussidjarji u l-istruttura tas-sjieda tagħhom għandhom ikunu xierqa biex jiżguraw it-tkomplija tas-servizzi wara r-riżoluzzjoni.

  • (g) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jieħdu prekawzjonijiet biex, f’sitwazzjoni ta’ riżoluzzjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ kwalunkwe infrastruttura tas-swieq finanzjarji (FMI) li jipparteċipaw fiha, inkluż aċċess għal servizzi ta’ kklerjar, ħlas u saldu għas-subgruppi u l-entitajiet materjali kollha tas-subgrupp matul ir-riżoluzzjoni u, jekk applikabbli, għal riċevitur li jkunu ġew trasferiti għandu l-funzjonijiet kritiċi. Fejn ikun neċessarju, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jagħmlu sforzi raġonevoli biex jerġgħu jinnegozjaw kuntratti mal FMIs kif xieraq, soġġett għal salvagwardji għall-protezzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju soda u operazzjonijiet sikuri u ordnati tal-FMI.
  • (h) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jipprevjenu dipendenzi kritiċi tal-istituzzjoni, grupp jew kwalunkwe subgrupp fuq il-provvista ta’ servizzi taħt kuntratti li mhumiex taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri tal-UE li jippermettu t-terminazzjoni mar-riżoluzzjoni ta’ entitajiet fi grupp. Dipendenza għandha titqies li hija kritika meta taffettwa l-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjoni.
  • (i) Jekk strateġija SPE tinkludi stralċ ta’ linji ta’ negozju b’funzjonijiet mhux kritiċi oħrajn, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jiżguraw is-separabbiltà ta’ dawn il-linji ta’ negozju, ġewwa jew barra l-istruttura eżistenti, inkluż il-kapaċità tal-bejgħ ta’ ċerti operazzjonijiet f’każ li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni teħtieġ il-bejgħ tagħhom. Jekk ikun meħtieġ li tiġi żgurata s-separabbiltà, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jibdlu l-istruttura tagħhom f’pajjiżi terzi minn fergħat għal sussidjarji, jew biex jissegragaw internament il-funzjonijiet kollha jew ċerti funzjonijiet u linji tan-negozju f’dawn fergħat biex jippreparaw konċessjoni ta’ dawn il-funzjonijiet u jiffaċilitaw it-trasferiment lejn entità separata.
  • (j) Jekk ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva ta’ strateġija SPE, il-finanzjament tas-sussidjarji mill-kumpanija ewlenija tal-grupp għandu jkun subordinat b’mod adegwat, sabiex ma jkunx soġġett għal tpaċija u/jew jipprovdi għal arranġamenti xierqa għal trasferiment ta’ telf lill-entità legali li jkunu applikati għaliha għodod ta’ riżoluzzjoni minn kumpaniji oħra tal-grupp, b’tali mod li jippermetti lill-entitajiet rilevanti tal-grupp operattivi jibqgħu vijabbli. Il-finanzjament għandu jiġi strutturat sabiex il-grupp jew il-parti tal-gruppi li jwettqu funzjonijiet kritiċi ma jinkisirx wara tniżżil fil-valur u konverżjoni ta’ porzjon konsiderevoli tal-istrumenti li huma soġġetti għal tniżżil fil-valur u setgħat ta’ konverżjoni. Meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tiddependi fuq allokazzjoni mill-ġdid tal-kapital u likwidità fi ħdan il-grupp, il-kapital u l-likwidità għandhom ikunu allokati f’ġurisdizzjonijiet fejn din l-allokazzjoni mill-ġdid tkun permessa taħt limiti regolatorji lokali.
  • (k) Fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata s-separabbiltà tal-funzjonijiet kritiċi minn funzjonijiet oħra, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu l-istabbiliment ta’ kumpanija holding li ma twettaq ebda funzjoni kritika taħt iċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-punt 14(b) ta’ hawn taħt. Il-kunsiderazzjonijiet taħt il-punt 14(c) japplikaw skont dan.
  • (l) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jieħdu prekawzjonijiet raġonevoli biex jiżguraw disponibbiltà ta’, biex iżommu jew jissostitwixxu persunal ewlieni fejn dan ikun meħtieġ biex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni preferuta, ukoll bil-għan tas-sostituzzjoni tal-korp maniġerjali u l-amministrazzjoni għolja tal-istituzzjoni skont riżoluzzjoni meħtieġa mill-Artikolu 34(1)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE.
  • (m) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jiżguraw il-kontinwità tas-sistemi ta’ informazzjoni ta’ ġestjoni. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu li s-sistemi ta’ informazzjoni u d-disponibbiltà tad-dejta tal-istituzzjoni jiżguraw li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu d-dejta meħtieġa biex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u jitwettqu valutazzjonijiet qabel u matul ir-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jiżguraw l-operabbiltà tal-użu tat-tniżżil fil-valur u s-setgħat ta’ konverżjoni fil-punt ta’ riżoluzzjoni billi jagħmlu l-identifikazzjoni tal-obbligazzjonijiet, il-waqfien fuq pagamenti u l-implimentazzjoni teknika tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni fattibbli.
  • (n) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet inaqqsu l-kumplessità u d-daqs tal-portafoll tan-negozjar tagħhom jekk dan ikun meħtieġ biex japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fir-rigward ta’ portafolli kbar ta’ derivattivi u kuntratti finanzjarji oħrajn, ta’ nuqqas ta’ struttura trasparenti u aċċessibbli jew il-kumplessità jew volatilità tal-kejl u l-valutazzjoni tal-prodotti u l-portafolli fil-portafoll tan-negozjar u l-interkonnettività interna tagħhom.
14. Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ impriża prinċipali biex twaqqaf kumpanija holding finanzjarja …

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ impriża prinċipali biex twaqqaf kumpanija holding finanzjarja prinċipali fi Stat Membru jew kumpanija holding finanzjarja prinċipali tal-Unjoni skont il-punt (h) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li japplikaw din il-miżura jekk jivvalutaw li mhuwiex fattibbli jew kredibbli li jsolvu l-parti tal-UE ta’ bank regolat mhux fl-UE minħabba l-fatt li ma hemm ebda kumpanija prinċipali soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-UE. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu l-istabbiliment ta’ kumpanija holding finanzjarja intermedjarja tal-UE jekk il-ħruġ ta’ dejn f’dan il-livell ikun neċessarju biex jiġi pprovdut ammont adegwat u allokazzjoni xierqa tal-obbligazzjonijiet mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni, biex jiffaċilitaw l-assorbiment tat-telf fil-livell ta’ sussidjarji operattivi u biex tiġi żgurata l-funġibbiltà tal-obbligazzjonijiet mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni fi ħdan il-parti tal-UE tal-grupp.
  • (b) Barra minn hekk, din il-miżura tista’ tiġi applikata fejn il-fattibilità jew il-kredibbiltà jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-kumpanija holding pjuttost milli għall-entitajiet operattivi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ esklużjonijiet potenzjali mis-setgħa ta’ rikapitalizzazzjoni. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li japplikaw din il-miżura, flimkien ma’ restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet operattivi tal-kumpanija holding finanzjarja, jekk l-attivitajiet operattivi fil-livell tagħha jimpedixxu b’mod sostantiv il-fattibbiltà jew il-kredibbiltà tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ limitazzjonijiet xierqa biex jipprevjenu li din il-kumpanija holding finanzjarja twettaq funzjonijiet jew servizzi kritiċi lil entitajiet oħra li jiddependu fuqhom s-servizzi kritiċi mwettqa minn dawn l-entitajiet. Fejn meħtieġ, il-bilanċ tal-kumpanija holding prinċipali għandu jkun fih biss l-ekwità u l-obbligazzjonijiet mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni.
  • (c) Meta jkun hemm attività sinifikanti tal-fergħa fl-UE li twettaq funzjonijiet kritiċi li l-kontinwazzjoni tagħhom ma tkunx stipulata b’mod xieraq fil-pjan ta’ riżoluzzjoni rispettiv tal-entità tal-pajjiż terz, jew li jirriżulta minnhom riskju sinifikanti ta’ kontaġju, li mhuwiex rifless b’mod adegwat fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ pajjiż terz, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu li tiġi stabbilita sussidjarja jew li din tinqabad taħt il-kumpanija holding finanzjarja meħtieġa skont il-punt (a).
15. Fir-rigward tal-ħtieġa għal impriża prinċipali, jew kumpanija msemmija fl-Artikolu 1(c) u (d) …

Fir-rigward tal-ħtieġa għal impriża prinċipali, jew kumpanija msemmija fl-Artikolu 1(c) u (d) li jinħarġu l-istrumenti ta’ dejn jew self imsemmija fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/59/UE skont il-punt (i) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

  • (a) Fuq il-bażi tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni preferuta, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu istituzzjoni fil-livell adattat biex toħroġ ammont suffiċjenti ta’ obbligazzjonijiet mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni, b’kunsiderazzjoni tat-telf potenzjali fl-entitajiet maqbuda mill-istrateġija ta’ riżoluzzjoni mingħajr obbligazzjonijiet suffiċjenti mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni waħedhom, u fejn applikabbli, aktar entitajiet li jappartjenu fl-istess grupp. Meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tiddependi fuq il-funġibbiltà tal-obbligazzjonijiet mistennija li jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu l-limiti regolatorji lokali u ftehimiet eżistenti ta’ appoġġ tal-grupp.
  • (b) Għal strateġija SPE, l-obbligazzjonijiet li jikkontribwixxu għal assorbiment tat-telf għandhom ikunu biżżejjed biex jassorbu t-telf fil-grupp kollu u, bi qbil mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, biex jiżguraw l-integrità u l-operabbiltà ta’ dawk il-partijiet tal-grupp fejn jitwettqu funzjonijiet kritiċi. Fin-nuqqas ta’ obbligazzjonijiet suffiċjenti mistennija li jikkontribwixxu għal assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni f’livell sussidjarju u jekk meħtieġ li jimplimentaw strateġija ta’ riżoluzzjoni SPE, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu li l-kumpanija prinċipali jew holding tipprovdi finanzjament lis-sussidjarji f’forma subordinata biex tiffaċilita l-upstreaming ta’ telf mill-kumpanija sussidjarja, biex b’hekk jiġi evitat li s-sussidjarja tidħol f’riżoluzzjoni. Tpaċija bejn talbiet ta’ sussidjarja kontra l-kumpanija prinċipali u t-talbiet tal-kumpanija prinċipali kolntra s-sussidjarja ma għandhiex tkun disponibbli.
  • (c) Għal strateġija MPE, l-obbligazzjonijiet li jikkontribwixxu għal assorbiment tat-telf għandhom ikunu biżżejjed f’kull punt ta’ dħul biex jassorbu t-telf f’dawk l-entitajiet inklużi fl-unità ta’ riżoluzzjoni MPE.
16. Fir-rigward tal-ħtieġa biex jittieħdu passi oħrajn biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal …

Fir-rigward tal-ħtieġa biex jittieħdu passi oħrajn biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/59/UE inkluż, b’mod partikolari, biex isir tentattiv għal negozjar mill-ġdid ta’ kwalunkwe obbligazzjoni u strumenti addizzjonali tal-Livell 1 jew il-Livell 2 li jkunu nħarġu bil-għan li jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tniżżel il-valur jew tikkonverti dik l-obbligazzjoni jew strument issir skont il-liġi tal-ġurisdizzjoni li tirregola dak l-istrument skont il-punt (j) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw ir-riskju ta’ esklużjoni tal-obbigazzjonijiet milli jikkontribwixxu għal assorbiment tat-telf jew rikapitalizzazzjoni b’kunsiderazzjoni, u bil-għan tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, fost affarijiet oħra, (i) il-maturità; (ii) il-gradazzjoni ta’ subordinazzjoni; (iii) it-tipi ta’ detenturi u trasferibbiltà; (iv) ir-riskju li l-obbligazzjonijiet ikunu eżenti milli jassorbu telf f’riżoluzzjoni; u (v) ostakli legali oħrajn bħan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni skont il-liġi f’pajjiż terz jew l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ tpaċija, kollha skont il-liġi rilevanti tal-ġurisdizzjoni li tirregola dik l-obbligazzjoni jew l-istrument.

17. Fir-rigward tal-ħtieġa li, meta istituzzjoni tkun is-sussidjarja ta’ kumpanija holding ta’ …

Fir-rigward tal-ħtieġa li, meta istituzzjoni tkun is-sussidjarja ta’ kumpanija holding ta’ attività mħallta, il-kumpanija holding ta’ attività mħallta twaqqaf kumpanija holding finanzjarja separata biex tikkontrolla l-istituzzjoni skont il-punt (k) tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2014/59/ UE, japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li jeħtieġu kumpanija holding b’attività mħallta li twaqqaf kumpanija holding finanzjarja separata, jekk dan itejjeb b’mod sinifikanti l-fattibilità u l-kredibbiltà tar-riżoluzzjoni tal-attivitajiet bankarji jew ta’ investiment separatament, b’kunsiderazzjoni tar-riskju ta’ kontaġju bejn segmenti differenti tas-settur finanzjarju u l-ekonomija usa’. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw il-vantaġġi għall-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni speċifikati skont il-paragrafu 14.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • EBA - Published by the European Banking Authority at https://www.eba.europa.eu/