REGOLAMENT (UE) 2021/783 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
REGOLAMENT (UE) 2021/783 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ April 2021
li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1)
Il-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija wasslu għal titjib sostanzjali fl-istat tal-ambjent. Madankollu, għad baqa' sfidi ambjentali u klimatiċi kbar li jekk ma jiġux indirizzati ser ikollhom konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-Unjoni u għall-benesseri taċ-ċittadini tagħha.
(2)
Il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għall-perijodu bejn l-2014 u l-2020, huwa l-aktar wieħed reċenti f'sensiela ta' programmi tal-Unjoni mill-1992 li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' prijoritajiet politiċi ambjentali u klimatiċi. Il-Programm LIFE ġie vvalutat b'mod pożittiv f'evalwazzjoni ta' nofs it-terminu reċenti bħala li jinsab fit-triq it-tajba biex ikun effettiv, effiċjenti u rilevanti. Il-Programm LIFE 2014-2020 jenħtieġ, għalhekk, li jitkompla b'ċerti modifiki identifikati fl-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u f'valutazzjonijiet sussegwenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE) (il-"Programm LIFE") jiġi stabbilit għal perijodu ta' seba' snin biex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma' dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (5).
(3)
Il-Programm LIFE, li jimmira li jikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti bil-leġiżlazzjoni, il-politika u l-pjanijiet, b'mod partikolari l-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (“Patt Ekoloġiku Ewropew”) u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, jenħtieġ li jikkontribwixxi lejn tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, lejn il-protezzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, inkluż l-arja, l-ilma u l-ħamrija, u tas-saħħa, u lejn it-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, inkluż permezz tal-appoġġ tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000 u l-indirizzar tad-degradazzjoni tal-ekosistemi, permezz ta' interventi diretti jew inkella permezz tal-appoġġ tal-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi f'politiki oħra. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi ġenerali ta' azzjoni adottati skont l-Artikolu 192(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bħas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (6) u kwalunkwe programm ta' azzjoni ambjentali tal-Unjoni sussegwenti.
(4)
L-Unjoni hija impenjata li tiżviluppa rispons komprensiv għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jenfasizzaw il-konnessjoni intrinsika bejn il-ġestjoni tar-riżorsi naturali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom fit-tul u s-servizzi tal-ekosistema, u r-rabta tagħhom mas-saħħa tal-bniedem u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u soċjalment inklużiv. F'dan l-ispirtu, il-Programm LIFE jenħtieġ li jirrifletti l-prinċipji tas-solidarjetà, filwaqt li jagħti kontribut materjali kemm għall-iżvilupp ekonomiku kif ukoll għall-koeżjoni soċjali.
(5)
Bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli, jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali u klimatika jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Jenħtieġ li għaldaqstant jiġu promossi sinerġiji u komplementarjetà ma' programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni, inkluż billi jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-attivitajiet li jikkomplementaw proġetti integrati strateġiċi u proġetti strateġiċi dwar in-natura u li jappoġġaw l-użu u r-replikazzjoni ta' soluzzjonijiet żviluppati fl-ambitu tal-Programm LIFE. Il-koordinazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi evitat finanzjament doppju. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jipprevjenu duplikazzjoni amministrattiva u piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji ta' proġett li jkunu jirriżultaw minn obbligi ta' rappurtar minn strumenti finanzjarji differenti.
(6)
Il-Programm LIFE jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-objettivi u l-miri tal-leġiżlazzjoni, tal-istrateġiji, tal-pjanijiet u tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (7) u l-Ftehim ta' Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (8) (il-“Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”), u, fost l-oħrajn, il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-Teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (9) (il-“Konvenzjoni ta' Aarhus”), il-Konvenzjoni NU/KEE dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Fuq Distanza Twila, il-Konvenzjoni tan-NU ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, il-Konvenzjoni tan-NU ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali, u l-Konvenzjoni tan-NU ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.
(7)
L-Unjoni tagħti importanza kbira lis-sostenibbiltà fit-tul tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE, u lill-kapaċità li jiġu żgurati u miżmuma dawk ir-riżultati wara l-implimentazzjoni tal-proġett, fost l-oħrajn bit-tkomplija tal-proġett, jew bir-replikazzjoni jew bit-trasferiment tar-riżultati.
(8)
Il-konformità mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima teħtieġ it-trasformazzjoni tal-Unjoni f'soċjetà sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Tali trasformazzjoni, min-naħa tagħha, tirrikjedi azzjoni b’enfasi speċjali fuq is-setturi li jikkontribwixxu l-aktar għal-livelli attwali ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta' tniġġis, li tippromovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri u għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija fit-tul, f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jinkludi wkoll miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar l-adattament għall-klima biex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.
(9)
Il-proġetti fil-qafas tas-sottoprogramm il-ġdid “Tranżizzjoni Lejn Enerġija Nadifa” tal-Programm LIFE jenħtieġ li jiffokaw fuq il-ħolqien tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u d-diffużjoni ta' għarfien, ħiliet, tekniki, metodi u soluzzjonijiet innovattivi biex jinkisbu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni dwar it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija. Tali tisħiħ tal-kapaċitajiet u diffużjoni huma tipikament azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ ta’ valur miżjud għoli fil-livell tal-Unjoni, li għandhom l-għan li jkissru l-ostakli tas-suq li jfixklu t-tranżizzjoni soċjoekonomika għal enerġija sostenibbli, u li prinċipalment jinvolvu entitajiet żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll atturi multipli, inkluż awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Tali azzjonijiet iġibu magħhom kobenefiċċji multipli, bħall-indirizzar tal-faqar enerġetiku, it-titjib tal-kwalità tal-arja interna, it-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa lokali bis-saħħa tat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ż-żieda fl-enerġiji rinnovabbli distribwiti, u l-kontribut għal effetti ekonomiċi lokali pożittivi u għal aktar tkabbir soċjalment inklużiv.
(10)
Sabiex jingħata kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-impenji internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni, teħtieġ li titħaffef it-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija. L-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, iffinanzjati sal-2020 fl-ambitu ta' Orizzont 2020 (10), jenħtieġ li jiġu integrati fis-sottoprogramm il-ġdid “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa tal-Programm LIFE”, peress li l-objettiv tagħhom mhuwiex li jiffinanzjaw l-eċċellenza u jiġġeneraw l-innovazzjoni, iżda li jiffaċilitaw l-użu ta' teknoloġija diġà disponibbli għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li ser tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati u lis-setturi kollha involuti fi tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. L-inklużjoni ta' tali azzjonijiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-Programm LIFE toffri potenzjal għal sinerġiji bejn is-sottoprogrammi u żżid il-koerenza ġenerali tal-finanzjament tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li tinġabar u titqassam data dwar l-użu ta' soluzzjonijiet eżistenti ta' riċerka u innovazzjoni fil-proġetti tal-Programm LIFE, inkluż mill-programm Orizzont Ewropa stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (“Orizzont Ewropa”) u l-predeċessuri tiegħu.
(11)
Il-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li emendat id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), tikkalkula li l-ilħuq tal-miri tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ser teħtieġ investimenti addizzjonali ta' EUR 177 biljun kull sena fil-perijodu 2021-2030. L-akbar lakuni huma relatati mal-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-bini biex jinżdiedu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, fejn il-kapital jeħtieġ jgħaddi lejn proġetti ta' natura distribwita ħafna. Wieħed mill-objettivi tas-sottoprogramm “Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa”, li jkopri l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu rapidu ta' enerġija rinnovabbli, huwa li jibni l-kapaċità għall-iżvilupp u l-aggregazzjoni ta' tali proġetti, biex b'hekk jgħin ukoll biex jiġu assorbiti l-fondi mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jaġixxi ta' katalizzatur għall-investimenti f'enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, anki billi juża l-istrumenti finanzjarji pprovduti taħt ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).
(12)
Il-programm LIFE huwa l-uniku programm iddedikat speċifikament għall-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima, u għalhekk għandu rwol kruċjali fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni f’dawk l-oqsma.
(13)
Is-sinerġiji ma' Orizzont Ewropa jenħtieġ li jgħinu l-identifikazzjoni u l-istabbiliment tal–ħtiġijiet relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali, klimatiċi u tal-enerġija fi ħdan l-Unjoni matul il-proċess tal-ippjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jkompli jaġixxi bħala katalizzatur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, inkluż billi juża u japplika r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni minn Orizzont Ewropa u jgħin biex dawn jintużaw fuq skala ikbar jekk dan ikun jista' jgħin l-indirizzar ta' kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi jew ta' tranżizzjoni enerġetika. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa jista' jipprovdi appoġġ għall-espansjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ideat rivoluzzjonarji ġodda li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proġetti LIFE. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll is-sinerġiji mal-Fond ta' Innovazzjoni fil-qafas tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, stabbilita taħt id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
(14)
Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni mill-Programm LIFE jenħtieġ li tkun tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programmi oħrajn tal-Unjoni, dment li tali kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess spejjeż. L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu awditjati darba biss u b'mod li jkopri l-programmi kollha tal-Unjoni involuti u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.
(15)
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2017 dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali: L-isfidi ewlenin u kif ser ngħaqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar (EIR) tindika li huwa meħtieġ progress sinifikanti biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni dwar l-ambjent u biex jittejbu l-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-objettivi ambjentali u klimatiċi f'politiki oħra. Il-Programm LIFE jenħtieġ għalhekk li jaġixxi bħala katalizzatur biex jiġu indirizzati l-isfidi orizzontali u sistemiċi kif ukoll il-kawżi fundamentali għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni identifikati fl-EIR u biex jinkiseb il-progress meħtieġ permezz tal-iżvilupp, l-ittestjar u r-replikazzjoni ta’ approċċi ġodda; l-appoġġ, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-iżvilupp tal-politika; it-titjib tal-governanza dwar kwistjonijiet ambjentali, tat-tibdil fil-klima u ta’ tranżizzjoni tal-enerġija relatati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-komunikazzjoni u l-għarfien; il-mobilizzazzjoni tal-investimenti mill-programmi ta' investiment tal-Unjoni jew sorsi finanzjarji oħra, u permezz tal-appoġġ għal azzjonijiet biex jingħelbu d-diversi ostakli għall-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet ewlenin mitluba mil-leġiżlazzjoni ambjentali.
(16)
It-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema, inkluż f'ekosistemi tal-baħar, jeħtieġu appoġġ għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika rilevanti tal-Unjoni, inkluż il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 - Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna, id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (16), id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' bażi ta' għarfien għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika u bl-iżvilupp, l-ittestjar, il-wiri u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet, bħal pereżempju l-ġestjoni effettiva, fuq skala żgħira jew imfassla apposta għal kuntesti lokali, reġjonali jew nazzjonali speċifiċi, inkluż approċċi integrati għall-implimentazzjoni tal-oqfsa ta' azzjoni mogħtija prijorità adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni u għall-kisba tal-ambizzjoni ġenerali li 7,5 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % tal-infiq annwali taħt il-qafas finanzjarju pluriennali jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrappożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk tal-bijodiversità.
L-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jimmonitorjaw in-nefqa tagħhom relatata mal-bijodiversità biex jissodisfaw l-obbligi ta' rappurtar tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Jenħtieġ li jiġu ssodisfati wkoll ir-rekwiżiti għal monitoraġġ previsti f'leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-infiq tal-Unjoni relatat mal-bijodiversità jiġi mmonitorjat f'konformità ma' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva li tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, kif imsemmi fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (19).
(17)
L-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet reċenti, inkluż ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u l-Kontroll tal-Idoneità tal-leġiżlazzjoni dwar in-Natura, jindikaw li waħda mill-kawżi sottostanti ewlenin tal-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-natura u tal-istrateġija għall-bijodiversità hija n-nuqqas ta' finanzjament adegwat.
L-istrumenti ewlenin ta' finanzjament tal-Unjoni, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) (il-“Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”) u l-Fond ta' Koeżjoni stabbilit skont ir-Regolament 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) (il-“Fond ta’ Koeżjoni”), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali stabbilit skont ir-Regolament (UE) 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (il-“Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali”) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit skont Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 (“il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura”), jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġijiet, fuq bażi komplementari. Il-Programm LIFE jista' jtejjeb aktar l-effiċjenza ta' tali inklużjoni permezz ta' proġetti strateġiċi dwar in-natura ddedikati li jaġixxu ta' katalizzatur għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politika tal-Unjoni dwar in-natura u l-bijodiversità, inkluż l-azzjonijiet stabbiliti fl-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE. Il-proġetti strateġiċi dwar in-natura jenħtieġ li jappoġġaw programmi ta' azzjonijiet fl-Istati Membri immirati lejn l-inklużjoni tal-objettivi tan-natura u tal-bijodiversità rilevanti f'politiki u fi programmi ta' finanzjament oħra, u b'hekk ikun żgurat li jiġu mmobilizzati fondi adattati għall-implimentazzjoni ta' dawk il-politiki.
L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jiddeċiedu fi ħdan il-Pjan Strateġiku tagħhom għall-Politika Agrikola Komuni li jużaw ċertu proporzjon tal-allokazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sabiex jinkiseb appoġġ għal azzjonijiet li jikkumplementaw il-proġetti strateġiċi dwar in-natura kif definiti skont dan ir-Regolament.
(18)
Il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza fir-riżorsi jirrikjedu bidla fil-mod kif il-materjali u l-prodotti, inkużi l-plastiks, jiġu mfassla, prodotti, ikkunsmati, imsewwija, użati mill-ġdid, irriċiklati u mormija, u jirrikjedu fokus fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn mudell ta' ekonomija ċirkolari permezz ta' appoġġ finanzjarju li jimmira lejn varjetà ta' atturi(bħal negozji, awtoritajiet pubbliċi u konsumaturi, b'mod partikolari billi japplika, jiżviluppa, u jirreplika l-aħjar teknoloġiji, prattiki u soluzzjonijiet imfassla apposta għal kuntesti lokali, reġjonali jew nazzjonali speċifiċi, inkluż permezz ta' approċċi integrati għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u permezz tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-iskart. Permezz tal-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-plastiks f'ekonomija ċirkolari, tista' tittieħed azzjoni biex tkun indirizzata l-problema tal-iskart fil-baħar b'mod partikolari.
(19)
Livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali huwa ta’ importanza fundamentali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa l-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-użu ta' sustanzi kimiċi b’modi li jwasslu għall-minimizzazzjoni tal-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv ta’ ambjent mhux tossiku fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Programm LIFE jappoġġa wkoll attivitajiet biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) sabiex jinkisbu livelli ta’ storbju li ma jirriżultawx f’impatti negattivi sinifikanti u riskji għas-saħħa tal-bniedem.
(20)
L-objettiv fit-tul tal-Unjoni fir-rigward tal-politika dwar l-arja huwa li jinkisbu livelli ta' kwalità tal-arja li ma jikkawżawx riskji u impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, filwaqt li jissaħħu s-sinerġiji bejn it-titjib fil-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Il-pubbliku huwa konxju ħafna dwar it-tniġġis tal-arja u ċ-ċittadini jistennew li l-awtoritajiet jaġixxu, b’mod partikolari f’żoni fejn il-popolazzjoni u l-ekosistemi huma esposti għal livelli għolja ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja. Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) tenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-finanzjament tal-Unjoni biex jintlaħqu l-objettivi ta' arja nadifa. Għalhekk, jenħtieġ li l-Programm LIFE jappoġġa proġetti, inkluż proġetti integrati strateġiċi, li għandhom il-potenzjal li jisfruttaw fondi pubbliċi u privati, biex ikunu eżempji tal-aħjar prattika u jaġixxu ta' katalizzaturi għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet u leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fil-livell lokali, reġjonali, multireġjonali, nazzjonali u transnazzjonali.
(21)
Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) stabbiliet qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, l-ilmijiet tal-kosta, l-ilmijiet transitorji u l-ilma ta' taħt l-art tal-Unjoni. L-objettivi ta' dik id-Direttiva ser ikunu appoġġati b'implimentazzjoni mtejba u bl-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika dwar l-ilma f'oqsma ta' politika oħra. Il-Programm LIFE jenħtieġ għaldaqstant li jappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/60/KE u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni dwar l-ilma li tikkontribwixxi lejn il-kisba ta' status tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni, l-iżvilupp u r-replikazzjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll permezz tal-mobilizzazzjoni ta' azzjonijiet komplementari fl-ambitu ta' programmi jew sorsi finanzjarji oħra tal-Unjoni.
(22)
Il-protezzjoni u r-restawr tal-ambjent tal-baħar huma wieħed mill-miri ġenerali tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa dawn li ġejjin: il-ġestjoni, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar, b'mod partikolari f'siti tal-baħar ta' Natura 2000, u l-protezzjoni tal-ispeċi skont l-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati adottati skont id-Direttiva 92/43/KEE; il-kisba ta' Status Ambjentali Tajjeb f'konformità mad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26); il-promozzjoni ta' ibħra nodfa u b'saħħithom; l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari, l-indirizzar b’mod partikolari tal-problema tal-irkaptu tas-sajd mitluf u tal-iskart fil-baħar; u l-promozzjoni tal-involviment tal-Unjoni fil-governanza tal-oċeani internazzjonali, li hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jiġu garantiti oċeani b'saħħithom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-proġetti integrati strateġiċi u l-proġetti strateġiċi dwar in-natura tal-Programm LIFE jenħtieġ li jinkludu azzjonijiet rilevanti li jkollhom il-mira li jipproteġu l-ambjent tal-baħar.
(23)
It-titjib tal-governanza fuq kwistjonijiet ambjentali, tat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet relatati ta’ tranżizzjoni enerġetika jirrikjedi l-involviment tas-soċjetà ċivili billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, inkluż permezz ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni li tieħu kont tal-media l-ġodda u n-netwerks soċjali, l-involviment tal-konsumaturi, u t-twessigħ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), f’konsultazzjonijiet dwar il-politiki relatati u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livelli kollha. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Programm LIFE jappoġġa firxa wiesgħa ta’ NGOs kif ukoll netwerks ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ li jsegwu għan li huwa ta’ interess ġenerali għall-Unjoni, u li huma primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent jew l-azzjoni dwar il-klima, bl-għoti, b’mod kompetittiv u trasparenti, ta’ għotjiet operattivi sabiex jgħinu lil NGOs, netwerks u entitajiet bħal dawn, jagħtu kontribut effettiv lill-politika tal-Unjoni, u biex jibnu u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex b'hekk isiru sħab aktar effiċjenti.
(24)
Filwaqt li t-titjib tal-governanza fil-livelli kollha jenħtieġ li jkun objettiv trasversali għas-sottoprogrammi kollha tal-Programm LIFE, il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis dwar l-ambjent u l-klima u l-konformità miegħu, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni orizzontali dwar il-governanza ambjentali, inkluża l-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Konvenzjoni Aarhus (NU/KEE).
(25)
Il-Programm LIFE jenħtieġ li jħejji u jappoġġa lill-atturi fis-suq għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima billi jittestja opportunitajiet tan-negozju ġodda, jaġġorna l-ħiliet professjonali, jiffaċilita l-aċċess tal-konsumaturi għal prodotti u servizzi sostenibbli, jinvolvi u jagħti s-setgħa lill-influwenzaturi, u jittestja metodi ġodda biex jiġu adattati l-proċessi eżistenti u l-pajsaġġ kummerċjali. Biex ikun appoġġat użu kummerċjali usa' ta' soluzzjonijiet sostenibbli, jenħtieġ li jiġu promossi l-aċċettazzjoni tal-pubbliku ġenerali u l-involviment tal-konsumatur.
(26)
Il-Programm LIFE huwa mfassal biex jappoġġa t-turija ta’ tekniki, approċċi u l-aħjar prattiki li jistgħu jiġu replikati u użati fuq skala ikbar. Soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà, b’mod partikolari għall-iżvilupp ta’ prattiki ta’ biedja sostenibbli fiż-żoni attivi fl-oqsma tal-klima, l-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità u l-iskart. Jenħtieġ li ssir enfasi f’dan ir-rigward fuq is-sinerġiji ma’ programmi u politiki oħra, bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikola u l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-UE.
(27)
Fil-livell tal-Unjoni, investimenti kbar f'azzjonijiet dwar l-ambjent u l-klima huma primarjament iffinanzjati minn programmi ta' finanzjament ewlenin tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiżdiedu l-isforzi ta’ inklużjoni biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima ta' attivitajiet taħt programmi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni u l-integrazzjoni ta’ salvagwardji tas-sostenibbiltà fl-istrumenti kollha tal-Unjoni. Fil-kuntest tar-rwol tagħhom ta’ katalizzaturi, il-proġetti integrati strateġiċi u l-proġetti strateġiċi dwar in-natura li jridu jiġu żviluppati fl-ambitu tal-Programm LIFE jenħtieġ li jisfruttaw opportunitajiet ta' finanzjament fi ħdan dawk il-programmi ta' finanzjament u sorsi oħrajn ta' finanzjament, bħalma huma l-fondi nazzjonali, u joħolqu sinerġiji.
(28)
Is-suċċess ta’ proġetti strateġiċi dwar in-natura u ta’ proġetti integrati strateġiċi jiddependi minn kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-atturi mhux Statali affettwati mill-objettivi tal-Programm LIFE. Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ żvelar rigward deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ proġetti jenħtieġ, għalhekk, li jiġu applikati, b’mod partikolari fil-każ ta’ integrazzjoni jew meta jkunu involuti sorsi ta’ finanzjament multipli.
(29)
Filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima b'mod koordinat u ambizzjuż, f'konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil tal-Klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm LIFE ser jikkontribwixxi biex jiġu inklużi azzjonijiet dwar il-klima u biex tinkiseb mira ġenerali ta' mill-inqas 30 % tal-infiq tal-baġit tal-UE li jappoġġa l-objettivi klimatiċi. L-azzjonijiet fl-ambitu tal-Programm LIFE huma mistennija li jikkontribwixxu 61 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Programm LIFE għal objettivi klimatiċi. Matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE ser jiġu identifikati azzjonijiet rilevanti, u dawn ser jiġu valutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u l-proċessi ta' rieżami rilevanti. Jenħtieġ li, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-azzjonijiet taħt il-programm LIFE jirrispettaw il-prinċipju 'la tagħmilx ħsara'.
(30)
Fl-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-istrateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi, li tinsab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, fid-dawl tal-Artikolu 349 TFUE u l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta' dawk ir-reġjuni. Il-politiki tal-Unjoni, għajr dawk fil-qasam tal-ambjent, tal-klima u dawk rilevanti fil-qasam tal-enerġija, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll.
(31)
B'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkollabora man-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-Programm LIFE biex tistimula l-kooperazzjoni bil-għan li s-servizzi tal-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali madwar l-Unjoni jitjiebu u jsiru aktar effettivi, sabiex iżżid il-kwalità ġenerali tal-proposti ppreżentati, torganizza seminars u workshops, tippubblika listi ta' proġetti ffinanzjati fl-ambitu tal-Programm LIFE jew twettaq attivitajiet oħra, pereżempju kampanji tal-media, sabiex isiru magħrufa aktar ir-riżultati tal-proġetti u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' esperjenza, għarfien u l-aħjar prattiki u r-replikazzjoni tar-riżultati ta' proġetti fl-Unjoni kollha, u b'hekk ikunu promossi l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni. Jenħtieġ li tali attivitajiet ikunu mmirati b'mod partikolari lejn l-Istati Membri li fihom hemm użu baxx ta' fondi u jenħtieġ li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji tal-proġetti, l-applikanti u l-partijiet ikkonċernati ta' proġetti li tlestewjew dawk li għadhom għaddejjin fl-istess qasam. Huwa essenzjali li tali attivitajiet ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni jiġu indirizzati lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-partijiet ikkonċernati.
(32)
Il-kwalità jenħtieġ li tkun il-kriterju li jirregola l-evalwazzjoni tal-proġett u l-proċess tal-għoti fil-Programm LIFE. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Programm LIFE madwar l-Unjoni u biex tiġi promossa kwalità għolja fi proposti ta’ proġetti, jenħtieġ li jitqiegħed għad-dispożizzjoni finanzjament għal proġetti ta’ assistenza teknika li jimmiraw lejn parteċipazzjoni effettiva fil-Programm LIFE. Il-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi kopertura ġeografika effettiva u bbażata fuq il-kwalità madwar l-Unjoni, inkluż billi tappoġġa lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-proġetti permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Parteċipazzjoni effettiva baxxa għall-Programm LIFE, l-attivitajiet eliġibbli u l-kriterji għall-għoti tal-Programm LIFE jenħtieġ li jkunu speċifikati fil-Programm ta' Ħidma Pluriennali ggwidat mill-parteċipazzjoni u r-rata ta' suċċess tal-applikanti mill-Istati Membri rilevanti, b'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-popolazzjoni u tad-densità tal-popolazzjoni, tal-arja totali tas-siti ta' Natura 2000 għal kull Stat Membru espressa bħala proporzjon tal-arja totali ta' Natura 2000, u tal-proporzjon tat-territorju ta' Stat Membru kopert minn siti ta' Natura 2000. Jenħtieġ li l-attivitajiet eliġibbli jkunu ta' tali natura li jkollhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-applikazzjoni għall-proġetti.
(33)
F'konformità mal-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar "Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali", in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), u l-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE) inħolqu biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u jkollhom irwol uniku fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. Huma jagħtu kontribut sostanzjali biex tissaħħaħ il-konsistenza fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni fl-Unjoni kollha, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u biex itejbu l-kwalità tal-ispezzjoni ambjentali u l-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi permezz ta' sistema ta' networking kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, u jipprovdu għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza f'livelli amministrattivi differenti, permezz ta' taħriġ u diskussjonijiet fil-fond dwar kwistjonijiet ambjentali u aspetti ta' infurzar, inkluż il-proċessi ta' monitoraġġ u ta' għoti ta' permessi. Fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Programm LIFE, jixraq li jiġi awtorizzat l-għoti ta' għotjiet lil IMPEL, ENPE u EUFJE mingħajr sejħa għal proposti sabiex ikompli jingħata appoġġ lill-attivitajiet ta' dawk il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, f'każijiet oħra, tista' ma tkunx meħtieġa sejħa skont ir-rekwiżiti ġenerali tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) (ir-“Regolament Finanzjarju”), per eżempju għall-korpi maħtura mill-Istati Membri u li joperaw taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fejn dawk l-Istati Membri jkunu identifikati bħala benefiċjarji ta' għotja b'att leġiżlattiv tal-Unjoni.
(34)
Jixraq li jiġi stabbilit pakkett finanzjarju għall-Programm LIFE li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
(35)
Ir-rati ta' kofinanzjament massimi ta' għotjiet iffinanzjati taħt il-Programm LIFE jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'livelli li jkunu meħtieġa sabiex jinżamm il-livell effettiv ta' sostenn ipprovdut mill-Programm LIFE. Sabiex titqies l-adattabbiltà meħtieġa fid-dawl tal-firxa eżistenti ta' azzjonijiet u entitajiet, rati ta' kofinanzjament speċifiċi jenħtieġ li jiffaċilitaw iċ-ċertezza, filwaqt li jżommu grad ta' flessibbiltà proporzjonat għal ħtiġijiet jew rekwiżiti speċifiċi. Ir-rati ta' kofinanzjament speċifiċi jenħtieġ li jkunu dejjem soġġetti għar-rati massimi ta' kofinanzjament rilevanti stabbiliti.
(36)
Ir-Regolament Finanzjarju adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplika għal dan ir-Regolament. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta' esperti esterni. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.
(37)
F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) ir-Regolamentii tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (29), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (30) u (UE) 2017/1939 (31), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32). F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(38)
It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-Programm LIFE jenħtieġ li jintgħażlu skont l-abbiltà tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jwasslu għal riżultati, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Għal għotjiet, l-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' kostijiet unitarji jenħtieġ li jiġu kkunsidrati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni li tinftiehem faċilment, u tippromwovi simplifikazzjoni reali għall-iżviluppaturi tal-proġetti.
(39)
Fejn ikun adatt, l-objettivi ta' politika tal-Programm LIFE jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta' strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji taħt ir-Regolament (UE) 2021/523, inkluż permezz tal-ammont allokat mill-Programm LIFE, kif speċifikat fil-programmi ta' ħidma pluriennali taħt dak il-Programm.
(40)
Skont l-Artikolu 94 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (33), l-entitajiet stabbiliti f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm LIFE u għal arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu huwa marbut il-pajjiż jew it-territorju extra-Ewropew rilevanti. Il-parteċipazzjoni ta' tali entitajiet fil-Programm LIFE jenħtieġ li tiffoka primarjament fuq proġetti li jaqgħu taħt is-sottoprogramm 'Natura u Bijodiversità'.
(41)
L-iskema volontarja għall-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi fit-Territorji Extra-Ewropej (BEST) tippromwovi l-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluż l-bijodiversità tal-baħar, u l-użu sostenibbli ta' servizzi ekosistemiċi, inkluż approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-adattament u t-tgħaffija tat-tibdil fil-klima, fir-Reġjuni Ultraperifiċi tal-Unjoni u fil-Pajjiżi u fit-Territorji Extra-Ewropej. Permezz tal-azzjoni preparatorja BEST adottata fl-2011 u l-Programm BEST 2.0 u l-proġett BEST RUP sussegwenti, il-BEST għenet biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ekoloġika tar-Reġjuni Ultraperiferiċi u tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej u r-rwol ewlieni tagħhom fil-konservazzjoni tal-bijodiversità globali. Il-Kummissjoni Ewropea tistma li l-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju għal proġetti fuq il-post f'dawk it-territorji hija ta' EUR 8 miljun fis-sena. Fid-Dikjarazzjonijiet Ministerjali tagħhom tal-2017 u l-2018, il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej esprimew l-apprezzament tagħhom għal din l-iskema ta' għotjiet żgħar għall-bijodiversità. Huwa għaldaqstant xieraq li l-Programm LIFE jiffinanzja għotjiet żgħar għall-bijodiversità, inkluż azzjonijiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u azzjonijiet li għandhom effett katalitiku, kemm fir-Reġjuni Ultraperiferiċi kif ukoll fil-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej.
(42)
Il-Programm LIFE jenħtieġ li jkun miftuħ għal pajjiżi terzi skont il-ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tagħhom.
(43)
Pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (34), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta' deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Il-pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw fuq il-bażi ta' strumenti legali oħra. Jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika f'dan ir-Regolament li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw b'mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
(44)
Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (35), jenħtieġ li l-Programm LIFE jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm LIFE fil-prattika. L-impatt sħiħ tal-Programm LIFE huwa dovut għat-totalità tal-kontributi indiretti, fit-tul u diffiċli li jitkejlu biex tinkiseb il-firxa sħiħa ta' objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Għall-monitoraġġ tal-Programm LIFE, l-indikaturi tal-output dirett u r-rekwiżiti ta' segwiment stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn aggregazzjoni ta' indikaturi speċifiċi fil-livell tal-proġetti li jridu jiġu deskritti fil-programmi ta' ħidma pluriennali jew is-sejħiet għal proposti, fost l-oħrajn fir-rigward ta' Natura 2000 u l-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja.
(45)
abiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-adozzjoni tal-programmi ta' ħidma pluriennali, jenħtieġ li setgħat ta' implimentazzjoni jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36).
(46)
Sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-Programm LIFE u l-implimentazzjoni tiegħu huma konsistenti mal-politiki u l-prijoritajiet tal-Unjoni jenħtieġ li s-setgħa biex jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, u dan bil-għan li temenda dan ir-Regolament billi tirrevedi jew tikkomplimenta l-indikaturi jew li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi indikaturi speċifiċi għal kull sottoprogramm u tip ta' proġett, kif ukoll sabiex jiġi stabbilit il-qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(47)
Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jingħata kontribut għal livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u azzjoni ambizzjuża dwar il-klima, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-objettivi u tal-miri tal-leġiżlazzjoni, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-bijodiversità, il-klima, l-ekonomija ċirkolari u dawk rilevanti dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz ta' governanza tajba u approċċ b'diversi partijiet ikkonċernati, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(48)
Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 jenħtieġ li jitħassar.
(49)
Huwa xieraq li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) preċedenti u l-Programm LIFE u li l-bidu tal-Programm LIFE jiġi allinjat ma' dak tal-qafas finanzjarju pluriennali kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.