Artikolu 78
Is-setgħat tal-Bord ta' Tmexxija
Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv skond l-Artikolu 84 u uffiċjal tal-kontabbiltà skond l-Artikolu 43 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.
Għandu jadotta:
(a)
sat-30 ta' April ta' kull sena, ir-rapport ġenerali ta' l-Aġenzija għas-sena preċedenti;
(b)
sal-31 ta' Ottubru ta' kull sena il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena li tkun ġejja;
(ċ)
il-budget finali ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 96 qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, u jaġġustah, fejn ikun meħtieġ, skond il-kontribut tal-Komunità u kwalunkwe dħul ieħor ta' l-Aġenzija;
(d)
programm pluriennali ta' ħidma, li għandu jiġi rivedut regolarment.
Għandu jadotta r-regoli u l-proċeduri interni ta' l-Aġenzija. Dawn ir-regoli għandhom ikunu pubbliċi.
Għandu jwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-budget ta' l-Aġenzija skond l-Artikoli 96, 97 u 103.
Għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv.
Għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
Għandu jaħtar il-President, il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' l-Appell skond l-Artikolu 89.
Għandu jaħtar il-membri tal-kumitati ta' l-Aġenzija kif stabbilit fl-Artikolu 85.
Għandu jgħaddi annwalment kwalunkwe informazzjoni relevanti għar-riżultati tal-proċeduri ta' valutazzjoni skond l-Artikolu 96(6).